ALLOKATI FONDI EWROPEJ SABIEX ISSIR KAMPANJA PROMOZZJONALI DWAR GĦAWDEX PERMEZZ TA’ MEZZI DIĠITALI
Is-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej jinsab f’pożizzjoni illi jħabbar li ġew allokati €270,000 mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (Ass ta’ Prijorità - Nipromwovu Turiżmu Sostenibbli) sabiex issir Kampanja Promozzjonali dwar Għawdex permezz ta’ mezzi diġitali.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Ian Borg qal li l-għan ta’ din il-kampanja promozzjonali huwa li jpoġġi lil Għawdex f’livell aktar kompetittiv fis-settur tal-promozzjoni diġitali li iktar ma jgħaddi żmien dejjem qed issir aktar influwenti fuq l-għażliet tat-turisti minħabba l-użu dejjem akbar tal-midja soċjali.
L-objettiv ta’ dan il-proġett ser ikun jista’ jiġi milħuq permezz ta’ disinn ġdid għas-sit popolari VisitGozo. Wara l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett l-impatt viżiv ta’ dan is-sit mistenni li jiżdied, kif ukoll is-sit ser jinbidel f’wieħed aktar interattiv għal min iżuru biex b’hekk l-interess f’Għawdex bħala destinazzjoni turistika jiżdid.
Ta min wieħed jinnota wkoll li fi studju li sar dan l-aħħar instab li 30% ta’ dawk li jżuru Għawdex jiksbu l-informazzjoni dwar din il-gżira minn fuq l-internet waqt li 4% biss qalu li jiksbu l-informazzjoni neċċesarja mll-gazzetti jew min xi rivista. Dr. Borg tenna li għalhekk inħasset il-ħtieġa li jiġi mwettaq dan il-proġett mill-Ministeru għal Għawdex.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046