TKOMPLI T-TRASFORMAZZJONI TAL-BELT STORIKA TAL-BIRGU
“Il-Birgu u l-madwar qiegħdin igawdu minn tlett proġetti ta’ tmien miljun ewro li għandhom impatt dirett fuq ir-riġenerazzjoni ta’ din il-belt storika. Dan ix-xogħol mhux biss qed itejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies li jgħixu fihom iżda jtejbu ukoll il-pakkett turistiku.”
Dan qalu l-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, waqt li kien qed iżur ix-xogħlijiet li qed isiru mid-Direttorat tar-Restawr fil-Birgu. Dan id-Direttorat ilu għal dawn l-aħħar ħames snin impenjat bi sħiħ b’diversi xogħlijiet f’din il-lokalità.
Fl-okkażjoni tal-aħħar fażi tax-xogħol li għaddej bħalissa, id-Direttorat tar-Restawr, bl-għajnuna tal-Kunsill Lokali tal-Birgu, se jkun qed jorganizza okkażjoni fi tmiem din il-gimgħa biex jispjega x-xogħol li għaddej bħalissa f’din iż-żona. Dan jikkonsisti fir-riabilitazzjoni tal-foss, fl-ippavimentar tal-Collachio, u fl-installazzjoni ta’ sistema ta’ dawl. Dawn it-tlett proġetti waħedhom ilaħħqu n-nefqa ta’ madwar 8 miljun Ewro, u qed isiru b’ko-finanzjament mill-UE (rata ta’ ko-finanzjament ta’ 85%). Se jkun qed isir ukoll xogħol ta’ restawr fuq is-swar tal-Isla. Ix-xogħlijiet kollha msemmija għandom jitlestew sas-sena 2015.
Dan l-open weekend se jkun imtella’ fil-wesgħa l-kbira tas-swar ta’ quddiem. Din se tkun imqassma f’erba’ partijiet, b’kull parti toffri esebizzjoni ta’ snajja u teknika użati għar-restawr ta’ monumenti storiċi, kif ukoll se ssir spjegazzjoni ta’ kif sar ix-xogħol sa issa u kif se jitkompla. Il-pubbliku se jkollu l-opportunità li jżur postijiet moħbija fis-swar, bħall-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Posta ta’ Kastilja u anke l-Foss. Wieħed jista’ jattendi għall-lectures fuq l-istorja u t-teknika użata, matul l-istess tmiem il-ġimgħa, filgħodu, fil-bini tal-Armerija, il-Birgu Għal dan l-avveniment se jkun hemm re-enactments fit-toroq kif ukoll artisti li se jkunu qed jirrapreżentaw fuq it-tila l-ambjent ta’ din il-belt. B’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Birgu, xi nies tal-lokal ġew mistiedna biex jaqsmu l-istejjer tagħhom dwar din il-belt li hija tant għanja fl-istorja.
Din l-attività se tittella’ nhar is-Sibt 25 t’Ottubru wara nofsinhar, kif ukoll l-għada l-Ħadd mill-10:30 ta’ filgħodu ’l quddiem. Il-pubbliku huwa mistieden jara x-xogħol li qed isir qabel ma jkun lest il-proġett.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046