INTERVENTI FIL-PORT TA’ MARSALFORN BL-GĦAJNUNA TA’ FONDI EWROPEJ
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo u s-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza UE 2017 u Fondi Ewropej Ian Borg ħabbru li ser isiru interventi fil-port ta’ Marsalforn sabiex itejbu l-faċilitajiet disponibbli għas-sajjieda f’dawn l-inħawi biex b’hekk ikunu jistgħu joperaw b’mod aktar effiċjenti u effettiv.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Ian Borg qal li dawn l-interventi ser ikunu possibbli permezz ta’ allokazzjoni mill-Fond Ewropew għas-Sajd 2007-2013 li kważi tlaħħaq is-somma ta’ €800,000. Huwa tenna li x-xogħol fuq dan il-proġett għandu jibda fil-ġimgħat li ġejjien u l-interventi jikkonsistu:
• Fil-Bini mill-ġdid tal-Ħajt tal-Menqa biex jipprovdi aktar protezzjoni għad-dgħajjes.
• Ir-Rikostruzzjoni ta’ slipway.
• Il-Konservazzjoni tal-binjiet eżistenti sabiex jiġu mibdula f’uffiċini mgħamra b’żewġ kompjuters b’konnessjoni għal internet u mwieżen ġodda addatati għal dan is-settur.
• L-irranġar tal-moll kif ukoll is-suppliment u l-installazzjoni ta’ servizzi f’din l-area.
• U t-tibdil tal-winċ eżistenti għal wieħed modern li huwa aktar effiċjenti u sigur.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo qal li dan il-proġett mhux biss huwa utli imma huwa kruċjali għas-sopravivenza u l-iżvilupp tal-komunità tas-sajd artiġjanali f’Marsalforn. Il-Ministeru għal Għawdex huwa impenjat biex ikompli jassisti u jagħti kull għajnuna possibbli li dawn is-sajjieda li minkejja li m’humiex f’ammonti kbar għadhom jipprattikaw waħda mill-eqdem ħidmiet f’Għawdex. Anton Refalo rringrazzja lis-Segretarju Parlamentari Ian Borg għall-ħidma favur Għawdex u l-poplu Għawdxi.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046