ALLOKATI €500,000 B’RISQ INTRAPRIŻI ŻGĦAR U MEDJI LI JAĦDMU FIL-QASAM TAL-ARTI U L-KULTURA
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Ian Borg ħabbar kif fit-tieni sejħa maħruġa mill-GAL Majjistral taħt il-miżura 413.6 “Għajnuna għal Spejjeż Kapitali marbuta ma’ Attivitajiet Kulturali jew ta’ Arti” ġiet allokata għaliha s-somma ta’ €500,000. Dan ħabbru waqt li kien qed jindirizza konferenza stampa ġewwa r-Rabat fil-ħanut tal-Gilder Arthur Vassallo li bbenefika mill-ewwel sejħa maħruġa mill-GAL Majjistral.
Is-Segretarju Parlamentari qal li fl-aħħar snin mill-programm LEADER ġew allokati fondi lit-tliet Gruppi t’Azzjoni Lokali (GAL) sabiex ifasslu Strateġija ta’ Żvilupp fuq bażi Reġjonali. Permezz ta’ din l-istrateġija ġew żviluppati diversi skemi li qed jiġu implementati fit-territorju rispettiv ta’ kull GAL. Dawn il-GALs li huma magħrufa bħala l-GAL Majjistral, il-GAL Xlokk u l-GAL Għawdex ikopru 46 lokalità rurali b’popolazzjoni ta’ madwar 240,000 ruħ.
Matul dawn l-aħħar snin, fil-fatt ġew imnedija diversi skemi li jindirizzaw diversi prijoritajiet ta’ kull reġjun fosthom l-inklużjoni soċjali, ambjent, arti u kultura, promozzjoni tar-reġjun, attivitajiet turistiċi, għajnuniet lill-intrapriżi żgħar u medji kif ukoll tisbieħ tal-lokalitajiet.
Dr Ian Borg qal li apparti minn dawn l-iskemi l-GALs ġew appuntati mill-Awtorità ta’ Ġestjoni tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEZR) sabiex jimplementaw żewġ skemi oħra tal-Programm tal-Iżvilupp Rurali li huma skema sabiex ikunu mħeġġa attivitajiet turistiċi b’valur ta’ €4.5 miljun kif ukoll skema għall-bdiewa u raħħala sabiex ikun imtejjeb l-aċċess għall-għelieqi u l-irziezet tagħhom b’valur ta’ €600,000.
Għall-perjodu ta’ programmazzjoni ġdid is-Segretarju Parlamentari qal li l-programm LEADER ser ikollu allokazzjoni ta’ madwar €6,600,000 jew 5% tal-valur tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali 2014-2020. Dan ifisser żieda sostanzjali fuq l-allokazzjoni preċedenti li kienet ta’ €4 miljun. Dawn il-fondi se jiġu allokati taħt diversi skemi li jkunu jiffurmaw parti mill-istrateġiji ġodda li kull GAL sejra tkun qed tipprepara fix-xhur li ġejjin.
It-tieni sejħa għal proposti taħt il-miżura 413.6 tagħlaq fit-22 ta’ Settembru u l-proġetti magħżula jridu jkunu mwettqa fi żmien sitt xhur
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en