“ŻIEDA FIL-MALTIN LI JSIEFRU TFISSER TISĦIĦ TA' NEGOZJI U KUMPANIJI LI JOPERAW FIS-SETTUR TURISTIKU”
Il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis jilqa’ b’sodisfazzjon iċ-ċifri ppubblikati dalgħodu mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar l-Outbound Tourism minn Malta fit-tieni kwart ta’ din is-sena.
Bejn April u Ġunju ta’ din is-sena, ġiet reġistrata żieda ta’ 6% fir-residenti Maltin li siefru barra minn Malta meta mqabbla mal-istess xhur tas-sena l-oħra. Iż-żieda ta’ dawk li ppreferew li jsiefru permezz tal-ajru kienet ta’ 11% fl-istess xhur imsemmija. Residenti Maltin b’età taħt l-24 sena raw l-akbar tkabbir fil-persentaġġ ta’ persuni li ħallew il-Gżejjer Maltin għall-btala bejn ix-xhur ta’ April u Ġunju tal-2014, imqabbla mal-istess xhur tas-sena l-oħra.
Kif kien mistenni, l-Italja u l-Ingilterra baqgħu l-aktar żewġ destinazzjonijiet l-aktar popolari mal-Maltin. Madanakollu ta’ min jinnota b’sodisfazzjon li ż-żieda fil-popolarità tal-Ġermanja kompliet tikber. Bejn April u Ġunju 2014, il-Maltin li żaru l-Ġermanja żdiedu b’aktar minn 71% meta kkumparati mal-istess xhur tas-sena 2013.
L-ammont ta’ ljieli li qattgħu l-Maltin fuq btala barra minn Malta f’dawn ix-xhur imsemmija wkoll irreġistra żieda, din id-darba ta’ aktar minn 12%.
Il-Ministru stqarr li dawn huma ċifri sodisfaċenti u inkoraġġanti partikolarment għall-kummerċ li jinħoloq fin-negozji u kumpaniji li joperaw fis-settur turistiku, bħall-operaturi turistiċi, il-linji tal-ajru u l-ajruport internazzjonali ta’ Malta. Il-Gvern Malti jibqa’ impenjat sabiex ikompli fil-ħidma tiegħu li jkattar l-opportunitajiet għall-aktar profittibilità u sostenibilità għan-negozji u kumpaniji li joperaw fis-settur turistiku għaliex dan jissarraf f’aktar ħolqien ta’ impjiegi u ġid ekonomiku, temm jgħid il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en