IL-PARTEĊIPANTI TAL-LIFECYCLE JILTAQGĦU MAS-SEGRETARJU PARLAMENTARI CHRIS AGIUS
Matul il-ġurnata tal-Ħadd, il-grupp taċ-ċiklisti li din is-sena ser jippruvaw l-isfida tal-LifeCycle iltaqgħu mas-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka. l-Innovazzoni, ż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius. Iż-Żjara kienet waqfa qasira waqt it-taħriġ li bħalissa qed jintensifika ruħu, hekk kif ninsabu ftit ġimgħat il-bogħod mill-avventura nnifisha. Fi 12-il ġurnata, 22 ċiklist ser jsuqu 2,000km minn Fukuoka sa Tokyo l-Ġappun biex jiġbru flus għar-Renal Unit ta’ Mater Dei li ta’ kuljum jaqdi lin-nies morda bil-kliewi.
Iċ-ċiklisti ddeskrivew dak li jgħaddu minnu waqt din l-avventura għaliex din mhix l-ewwel darba li bosta minn dawn l-atleti għamlu l-LifeCycle. Is-Segretarju Parlamentari Agius sema kif l-akbar sfidi jkunu l-għejja fiżika wara l-ammont ta’ kilometri li jaqdfu kuljum u t-temp.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius ħa l-okkażjoni sabiex tkellem mal-atleti dwar l-problemi li jiltaqgħu magħhom iċ-ċiklisti fit-taħriġ. Kif jidher anke fit-toroq Maltin, l-isport taċ-ċikliżmu qiegħed kull ma jmur jiżdied. L-akbar problema tibqa’ s-sewwieqa li jixorbu u jsuqu. Minbarra hekk uħud ilmentaw fuq l-istat tal-lanes taċ-ċikliżmu li f’ħafna postijiet huma ineżistenti u l-ispralli mċaqalqa li wieħed isib f’xi lokalitajiet.
Huwa awguralhom għal din l-isfida li deħlin għaliha, filwaqt li awgura sabiex aktar persuni jkunu daqshekk altruwisti illi jagħmlu atti bħal dawn sabiex jgħinu lil ħaddieħor. Ħeġġeġ lil dawk kollha li jistgħu jgħinu sabiex jagħtu d-donazzjoni tagħhom filwaqt li faħħar l-ġest altruwist li jagħmlu d-donaturi tal-organi li jagħtu xi ħaga minn tagħhom biex jtejbu l-ħajja ta’ ħaddieħor.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en