IL-MINISTRU GĦAL GĦAWDEX ANTON REFALO U l-KUMMISSARJU ANTHONY AGIUS DECELIS IVVARAW KAMPANJA KONSULTATTIVA F'GĦAWDEX BIEX TIĠI INDIRIZZATA L-‘EFFIĊJENZA FIL-ĦIDMA TAL-GVERN’
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo flimkien mal-Kummissarju Anthony Agius Decelis responsabbli mis-simplifikazzjoni amministrattiva u t-tnaqqis tal-burokrazija żaru diversi entitatijiet Għawdxin bħala parti mill-istudju li qed isir dwar il-burokrazija żejda. Il-Gvern huwa impenjat biex jindirizza u jaqta’ l-burokrazija żejda fis-setturi varji u b’hekk tħabbar li se tkun qegħda ssir kampanja konsultattiva ffukata fuq Għawdex. Il-Kummissarju Anthony Agius Decelis fakkar li l-Gvern huwa marbut ma’ wegħda elettorali li jnaqqas il-burokrazija żejda b’ 25%. Anthony Agius Decelis saħaq “biex nagħmlu dan nidejna kampanja ta’ konsultazzjoni ma’ stakeholders ewlenin għaliex aħna nemmnu f’bottom up approach fejn kulħadd ikollu lok li jipparteċipa u jagħti feedback b’mod dirett dwar liema huma l-affarijiet u s-sitwazzjonijiet li qed idejquh.”
Il-Ministru Refalo saħaq dwar l-importanza li din il-problema tiġi indirizzata għaliex il-kwalità ta’ qafas regolatorju Malti huwa wieħed mill-fatturi li jaffetwaw l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna. Soċjetajiet u ekonomiji moderni jirrekjedu protezzjoni, kompetizzjoni ġusta u standards aħjar.
Dr Anton Refalo qal li qegħdin naħdmu flimkien biex niffukaw fuq setturi varji bħall-MEPA u l-ippjanar, is-servizzi soċjali, funzjonijiet ta’ dħul tal-gvern, saħħa, qrati u s-settur pubbliku in ġenerali, u saret ħidma bi sħiħ ma’ diversi ministeri biex jissaħħu s-servizzi offruti f’Għawdex stess. Il-Ministru kompla jgħid li “irridu nkomplu naħdmu biex il-ġid li qed joħloq il-Gvern ikun jista’ jilħaq lil Għawdxin daqskemm jilħaq lill-Maltin.” Il-Ministru qal li waqt iż-żjarat ma’ negozjanti Għawdxin u mal-Kamra tal-Kummerċ ġie diskuss kif il-Gvern jista’ jiffaċilita, inaqqas il-proċessi u d-dewmien żejjed f’servizzi li jingħataw minn entitajiet pubbliċi lis-settur privat.
Anthony Agius Decelis żied jgħid li burokrazija żejda hija ħamrija fertili għal korruzzjoni “aħna ma naqblux mal-korruzzjoni, nemmnu li din hija taxxa żejda li jħallas il-poplu u allura iktar ma nkunu effiċjenti u iktar ma jkollna proċeduri sempliċi iktar il-poplu sejjer ikollu flus f’idejh li jista’ jinvesti fi proġetti oħrajn u iktar flus x’jonfoq fil-bżonnijiet tiegħu.” Il-Kummissarju rringrazzja lil Dr Michael Falzon, Dr Michael Farrugia u s-Segretarju Permanenti Prinċipali Mario Cutajar għax-xogħol siewi li sar matul is-sena li għaddiet.
Dr Anton Refalo jemmen li l-burokrazija xxekkel ix-xogħol, tnaffar l-investiment u żżid l-ineffiċjenza f’fażijiet varji tal-iżvilupp tal-pajjiż . Hemm bżonn li l-proċessi jiġu mqassra u li kull negozju biex jopera jkollu bżonn biss permess wieħed inklussiv li jingħata fi żmien stipulat mill-awtoritajiet.
Qegħda ssir ħidma mill-Ministeru għal Għawdex flimkien mal-Kummissarju biex f’Għawdex jinfetaħ one stop shop minn fejn ic-ċittadin jinqeda fih, jingħata gwida u direzzjoni u juża s-servizzi li għandu bżonn. Il-viżjoni u l-wegħda ta’ dan il-Gvern hija li titnaqqas il-burokrazija b’25% sal-aħħar ta’ din il-leġiżlatura.
Anthony Agius Decelis saħaq li Għawdex għal Gvern huwa importanti ħafna “jekk veru Għawdex ibati minn insularità doppja allura aħna rridu naħdmu iktar ħalli l-ġid li qed joħloq il-Gvern jitqassam b’mod ugwali bejn il-Maltin u l-Għawdxin kollha. Naħdmu ħalli l-ġid jitqassam b’mod ugwali għaliex dan huwa dak li aħna nemmnu fih wara kollox din hija l-ġustizzja soċjali.” Il-Kummissarju rringrazzja lill-Ministru għal Għawdex Dr Anton Refalo li laqa’ l-istedina sabiex żaru flimkien il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija u numru ta’ negozji żgħar sabiex jiġu mħeġġa jkomplu jipparteċipaw fil-konsultazzjoni. Il-Kummissarju ħabbar li lejn l-aħħar ta’ din is-sena se jiġi ppreżentat rapport fejn fih se jiġu identifikati l-proċeduri eżistenti burokratiċi u pproponut pjan ta’ simplifikazzjoni, kif ukoll tħabbar li se ssir Round Table Conference f’Għawdex fl-4 ta’ Settembru.
Bħala Gvern irridu nħarsu ‘l quddiem u naraw li l-entitajiet amministrattivi pubbliċi jiffaċilitaw u mhux ixekklu liċ-ċittadin biex aktar negozjanti jkomplu jinvestu f’pajjiżna stess.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en