PARTEĊIPAZZJONI REKORD TA’ 3,800 RUĦ FIL-PROGRAMM TAL-KMS SUMMER ON THE MOVE
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, ż-Żgħażagħ u l-Isport żar il-Kumpless ta’ Ħal-Kirkop li huwa wieħed mill-kumplessi li fih qed isir il-programm Summer on the Move li issa wasal f’nofsu. Waqt iż-żjara tiegħu, s-Segretarju Parlamentari seta jsegwi mill-viċin kif jitħaddem dan il-programm; fejn ra sessjonijiet taz-Zumba, għawm, fundamentals, basketball u ġinnastika fost l-oħrajn. Huwa tkellem mal-parteċipanti li kienu għaddejjin bis-sessjonijiet u anke mal-kowċis tagħhom. Minbarra hekk esperjenza wkoll kif bosta ġenituri jattendu għas-sessjonijiet varji waqt li uliedhom ikunu għaddejjin bis-sessjoni tagħhom.
Il-programm tal-Kunsill Malti għall-Isport, Summer on the Move din is-sena ra parteċipazzjoni rekord ta’ 3,800 ruħ li jvarjaw minn parteċipanti żgħar għal dawk adulti. Qed ikun offrut fil-kumplessi sportivi tal-KMS; dawk tal-Kottonera, Kirkop u tal-Qroqq, kif ukoll fl-iskejjel tal-Mosta u tas-Siġġiewi. Huma diversi d-dixxiplini sportivi offruti f’dan il-programm, fejn jibqgħu l-iżjed popolari l-għawm, il-ġinnastika, il-baskitbol u l-futbol.
Din is-sena għalkemm ġew riveduti l-prezzijiet biex dejjem ikunu vantaġġuzi speċjalment għal dawk li jridu jużaw is-servizz il-ġimgħa kollha, Summer on the Move mhux ser jagħlaq bit-telf bħalma ġara fis-snin l-imgħoddija għajr għall-ewwel sena fl-2004. Filfatt din hija l-11-il edizzjoni ta’ Summer on the Move li m’għamilx telf biss fl-ewwel sena tiegħu.
Il-programm se jibqa’ għaddej sal-5 ta’ Settembru 2014.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en