MISTENNI STAĠUN IEĦOR POŻITTIV GĦALL-INDUSTRIJA TAL-IPPROĊESSAR TAT-TADAM F’MALTA U GĦAWDEX
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes għamel żjara fil-gżira ta’ Għawdex fejn iltaqa’ ma’ xi bdiewa waqt il-ħidma tagħhom fil-qtugħ tat-tadam. Huwa wera l-apprezzament tiegħu lil dawn il-bdiewa li akkost tax-xemx qalila, xorta jagħmlu li jistgħu biex jieħdu ħsieb il-prodott tagħhom. Waqt iż-żjara tiegħu fil-gżira Għawdxija, żar iż-żewġ fabbriki Għawdxin li jipproċessaw it-tadam imkabbar mill-bdiewa fosthom il-Farmers Food Limited kif ukoll Magro Brothers.
Fl-indirizz tiegħu lil dawk preżenti tul iż-żjara tiegħu, Roderick Galdes tkellem dwar l-għajnuniet li l-Gvern jagħti lill-bdiewa li jipproċessaw it-tadam Malti, għajnuna li tammonta għal madwar miljun ewro. Tkellem dwar l-importanza ta’ dan is-settur li fih hemm l-għajxien ta’ mijiet ta’ bdiewa kif ukoll ħaddiema oħrajn li jagħmlu parti mill-katina ta’ dan il-proċess. Għal dan il-għan, Roderick Galdes tenna li l-Gvern dejjem se jkun qed isostni din l-industrija tant importanti għal pajjiżna, speċjalment meta l-prodott Malti qed jibda jiġi rikonoxxut barra xtutna.
Roderick Galdes qal li jinsab pożittiv li f’pajjiżna se jkun hemm staġun ieħor pożittiv fiż-żieda tal-produzzjoniet u wkoll fil-kwalità tal-prodott Malti li jispiċċa fuq il-mejda tal-familji Maltin u Għawdxin.
Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes ma naqasx milli jagħmel referenza għall-benefiċċju ta’ deroga li l-Gvern irnexxielu jagħmel mal-Unjoni Ewropea biex għas-seba’ snin li ġejjin din l-industrija tibqa’ tirċievi s-sostenn finanzjarju meħtieġ.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en