STQARRIJA MILL-GVERN TA' MALTA
Quddiem is-sitwazzjoni ta’ kriżi fil-Libja, dan il-Gvern qed jaħdem b’kawtela u responsabbilità billi jimxi f’kuntatt dirett u id f’id mal-pajjiżi Ewropej, fosthom Franza, l-Ingilterra u l-Italja, dwar il-passi konġunti li għandhom jittieħdu minn ħin għal ieħor.
Hija biss l-Oppożizzjoni li qed tagħżel li tibqa’ tkun negattiva u ddaħħal il-politika partiġjana f’kollox, anke temi ta’ affarijiet barranin li jeħtieġu ħidma ffukata li tmur lil hinn mill-punti politiċi li l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jipprova jakkwista, mingħajr suċċess.
Jekk tliet snin ilu, il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern kien aktar moħħu li jidher sabiħ fil-mezzi tax-xandir, dan il-Gvern huwa moħħu fix-xogħol li hemm bżonn isir biex il-pajjiż ġar tagħna joħroġ mill-iktar fis possibli mill-kriżi li jinsab fih u biex il-Maltin u l-barranin li qegħdin il-Libja jsibu f’pajjiżna l-akbar spalla ta’ għajnuna possibli.
Dan ma jfisser bl-ebda mod li l-Gvern mhux qed iżomm lill-pajjiż infurmat bil-fatti li jseħħu ġurnata wara l-oħra. Apparti li l-ġurnalisti qed ikunu aġġornati b’mod regolari ħafna, il-Kap tal-Oppożizzjoni, sa lbieraħ stess, ġie kkunttatjat mill-Gvern fejn ingħata spjegazzjoni dwar l-aħħar żviluppi.
Bid-dikjarazzjonijiet li għamel is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista dalgħodu, li l-Oppożizzjoni mhux qed tkun infurmata b’dak li qed jiġri, huwa evidenti li l-għola esponenti tal-Oppożizzjoni lanqas biss qed jitkellmu bejniethom.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat ilu diversi xhur jinsisti fuq il-bżonn li l-Ġnus Maqgħuda tagħmel missjoni ta’ paċi fil-Libja. Saħansitra din it-tema qamet anke fl-aħħar laqgħa li saret mal-Prim Ministru Ingliż David Cameron u li ġiet ikkomunikata lill-mezzi tax-xandir. Għalhekk il-Gvern jilqa’ il-fatt li l-Oppożizzjoni qed tappoġġja l-proposta li l-Prim Ministru ilu jsemmi aktar minn sena.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en