MALTI RRAPPURTAT NIEQES FIT-TERRITORJU LIBJAN
Il-Gvern għandu rapport ta’ Malti li ġie rrappurtat nieqes fit-territorju Libjan.
Ir-raġel ġie rrappurtat nieqes minn ħuħ stess il-bieraħ il-Ħadd. Ħuħ ċempel lill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija li min-naħa tagħhom għarrfu mill-ewwel lill-Crisis Centre tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin. It-tagħrif ingħata mis-Segretarju Permanenti Prinċipali s-Sur Mario Cutajar meta tkellem mal-ġurnalisti.
Ir-raġel huwa Roger Mifsud ta’ madwar 49 sena minn San Pawl il-Baħar. Huwa jaħdem bħala xufier.
Skont ħuħ, Mifsud telaq il-Libja nhar il-21 ta’ Lulju. Minn dakinhar ‘il hawn il-familja tiegħu ma semgħetx aktar b’aħbaru.
Ħu Mifsud informa lill-awtoritajiet li ma jafx ma liema kumpanija Roger Mifsud mar jaħdem u lanqas fejn u kif mar il-Libja.
Mifsud mar il-Libja minkejja li l-Gvern kien diġà ħareġ il-parir biex jiġi evitat vjaġġar lejn il-Libja.
Mill-isħtarriġ li sar fl-aħħar erbgħa u għoxrin siegħa jirriżulta li Mifsud ma telaqx bl-ajru lejn il-Libja billi dakinhar li ġie rappurtat li ħalla Malta l-ispazju tal-ajru Libjan kien magħluq waqt li titjiriet bl-ajru ma sarux. Huwa maħsub li Mifsud telaq bil-baħar.
Mill-istħarriġ li sar s’issa rriżulta li l-aħħar sinjal bil-mobile ta’ Mifsud kien f’territorju Libjan iżda mhux magħruf eżatt fejn.
Il-gvern lanqas ma għandu rapporti li Mifsud deher fuq l-art. Lanqas ma kien hemm xi fazzjoni fil-Libja li qalet li ħatfet Malti jew li saru talbiet għal rahan.
Is-Sur Cutajar qal li l-istħarriġ dwar Mifsud għadu sejjer.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en