IL-MINISTRU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN DR GEORGE VELLA JAGĦTI PITTURA TA’ ROLF ERKENS LILL-KUNSILL NAZZJONALI TAL-ILSIEN MALTI
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Dr George W. Vella għadda pittura tal-artist Ġermaniż Rolf Erkens lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.
Il-pittura li ġiet mogħtija lil Malta mill-artist Rolf Erkens innifsu wara kuntatt li sar mal-ambaxxatur Malti fil-Ġermanja Albert Friġġieri, hija espressjoni bil-kuluri tal-ħsejjes tal-lingwa Maltija. L-artist Rolf Erkens ivvinta sistema li biha jesprimi l-ħsejjes tal-lingwi b’ilwien differenti, fejn fosthom ħoloq kwadru ispirat mil-ħsejjes tal-lingwa Maltija.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Dr George Vella ħaseb li jkun aħjar li kwadru bħal dan, msejjes fuq il-lingwa Maltija, jitgawda minn entità governattiva li għandha l-għan li toħloq politika lingwistika għall-pajjiż, f’dan il-każ, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.
Waqt l-għotja ta’ dan il-kwadru fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, l-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti l-Professur Ray Fabri rringrazzja lill-Ministru Vella għall-ġest sabiħ tiegħu li joffri din il-pittura lill-Kunsill.
Il-pittur Rolf Erkens għamel għadd ta’ pitturi simili għal ilsna barranin oħra. Dawn il-pitturi llum huma mfittxijin ħafna u wħud diġà sabu posthom f’mużewijiet.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en