MALTA BL-INQAS RATA TA’ QGĦAD FI KWAŻI ĦMISTAX-IL SENA
Wara li lbieraħ il-Kummisjoni Ewropeja ppublikat stħarrig li wera żieda qawwija fl-ottimiżmu ekonomiku fost l-azjendi u l-konsumaturi Maltin u Għawdxin, illum kien imiss lill-Eurostat li toħroġ statistika oħra li tikkonferma s-suċċess ta’ pajjiżna.
Għat-tmien xahar konsekuttiv, matul Ġunju li għadda, kompliet tonqos ir-rata tal-qgħad f’pajjiżna. Dan ir-riżultat wassal biex Malta jkollha l-anqas rata ta’ qgħad qatt irreġistrata mindu l-Eurostat bdiet tiġbor din l-informazzjoni għal pajjiżna f’Jannar tal-2000.
Matul ix-xahar ta’ Ġunju, ir-rata ta’ qgħad f’Malta kienet ta’ 5.6%, ċifra li tikkuntrasta sew mar-rata ta’ 6.3% li pajjiżna kellu fl-aħħar xahar tal-amministrazzjoni preċedenti, kif ukoll mar-rata medja ta’ 6.9% li Malta kellha mill-bidu tal-2000 sa’ Marzu 2013.
Il-figuri tal-Eurostat juru li, mindu daħlet l-amministrazzjoni preżenti, n-numru ta’ nies ifittxu xogħol naqas bi kważi elfejn ruħ, jew 17%. B’kuntrast, taħt l-amministrazzjoni preċedenti, il-qgħad kien żdied bl-istess ammont. Din hija konferma ta’ kemm il-miżuri u l-bidliet pożittivi li wettaq dan il-Gvern qed ikunu ta’ siewi għall-ekonomija ta’ pajjiżna.
L-istqarrija tal-Eurostat tindika wkoll li pajjiżna f’Ġunju kellu t-tielet l-anqas rata tal-qgħad fl-Ewropa, wara l-Ġermanja u l-Awstrija. Bejn Malta u l-Awstrija, li hija l-pajjiż bl-iżgħar rata ta’ qgħad fl-Ewropa, hemm distakk ta’ 0.6 punti perċentwali biss. Fl-aħħar xahar tal-amministrazzjoni preċedenti pajjiżna, mhux biss kien fil-ħames post fil-klassifika tal-pajjiżi Ewropej, imma d-distakk fil-qgħad bejn Malta u l-Awstrija kien aktar mid-doppju ta’ dak li hu llum.
Ir-riżultati tal-Eurostat iġibu fix-xejn it-tbassir riċenti tal-Oppożizzjoni li pajjiżna qed jiffaċja kriżi fil-qasam tax-xogħol u li l-qgħad se jiżdied għal livelli rekord. Il-fatt li pajjiżna illum għandu l-inqas rata ta’ qgħad mindu bdiet tinġabar din l-istatistika jikkonferma l-ħidma tal-Gvern biex pajjiżna jkun fost l-aqwa fl-Ewropa.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en