SEBA’ PERSUNI QED JIĠU MDEWWIJA FL-ISPTAR MATER DEI WARA LI NĠIEBU MIL-LIBJA
Seba’ persuni barranin qed jingħataw il-kura fl-Isptar Mater Dei filwaqt li oħrajn mistennija jinġiebu mil-Libja fis-sigħat li ġejjin. Qal dan is-Segretarju Prinċipali Permanenti u l-Kap taċ-Ċentru tal-Kontinġenza tal-Gvern is-Sur Mario Cutajar f’laqgħa mal-media.
Is-Sur Cutajar qal li lbieraħ waslu Malta 156 persuna fejn fosthom kien hemm Malti li kellu xi ksur f’saqajh kaġun ta' splużjoni qrib id-dar tiegħu. F’din it-titjira l-maġġoranza tan-nies kienu Filippin. Dalgħodu waslet titjira oħra mil-Libja b’59 persuna b’sitta minnhom ikun Maltin filwaqt li mistennija tasal titjira minn Mitiga. Hemm possibilità li fuq din it-titjijra hemm persuna Maltija. Fis-sigħat jew jiem li ġejjin mistennija jaslu Malta bil-baħar mijiet ta' ċittadini Ċiniżi mil-Libja.
Is-Sur Cutajar qal li l-gvern jinsab lest f’każ ta’ evakwazzjoni filwaqt li kompla jġedded l-appell tal-gvern biex il-Maltin li għadhom fil-Libja jitilqu mill-pajjiż b'mezzi kummerċjali. Huwa qal li fil-Libja bħalissa hemm madwar 100 Malti filwaqt li f’Benghażi huwa maħsub li hemm bejn 20 u 30 Malti ieħor.
Iċ-Ċentru tal-Kriżi tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jinsab f’ħidma kontinwa b’kuntatti mal-Maltin li hemm fil-Libja. Il-Ministru tal-Affarijiet Barrranin George Vella kellu laqgħat mal-awtoritajiet Taljani, dawk Ingliżi, Franċiżi kif ukoll ta’ pajjiżi oħra mill-Unjoni Ewropea biex jaraw kif se jinħarġu ċ-ċittadini tagħhom minn dan il-pajjiż.
Is-Sur Cutajar qal li l-awtoritajiet Maltin għadhom qed jitkellmu ma’ Martin Galea biex jaraw eżatt x’ġara. Huwa qal li Martin Galea ma sofra l-ebda tip ta’ vjolenza. Ikkonferma wkoll li l-ħelsien ma kien jinvolvi ebda kundizzjoni jew ħlas.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en