EFFIĊJENZA FIL-ĦIDMA TAL-GVERN - JITĦABBRU NUMRU TA’ INIZJATTIVI ĠODDA
Illum ġiet organizzata t-tieni konferenza bl-isem ‘Effiċjenza fil-Ħidma tal-Gvern’ imtella’ mill-Kummissarju għas-Simplifikazzjoni u t-Tnaqqis tal-Burokrazija Anthony Agius Decelis bis-sehem tal-Ministru Dr Michael Farrugia u l-kelliem ewlieni tal-Gvern Carmelo Abela.
Fid-diskors tiegħu, Anthony Agius Decelis, elenka kif sa issa l-ufficċju tiegħu ltaqa’ ma’ aktar minn sittin stakeholder differenti u ġabar numru sabiħ ta’ proposti fl-ewwel fażi ta’ konsultazzjoni li kienet ġiet imnedija madwar xahrejn ilu. Il-Kummissarju tenna, li politika bbażata fuq il-bottom up approach hija fundamentali f’din il-fażi hekk kif l-esperti f’oqsma differenti jistgħu jikkontribwixxu ħafna. Fakkar ukoll li l-burokrazija żejda hija taxxa oħra li qiegħed iħallas il-poplu. Permezz ta’ tisħiħ fil-qafas regolatorju, reviżjoni ta’ regolamenti eżistenti u moniteraġġ ta’ dawk li għadhom iridu jidħlu fis-seħħ, fost l-oħrajn nindirizzaw it-tragward ta’ tnaqqis b’25% f’proċessi burokratiċi. Il-Kummissarju ħabbar li l-proċess ta’ konsultazzjoni se jgħaddi għat-tieni fażi fejn il-proposti mill-ewwel fażi se jiġu skrutinizzati u studjati. Tħabbar ukoll li l-konsultazzjoni f’Malta se tiġi estiża wkoll ġewwa Għawdex fil-jiem li ġejjin fejn se jsiru diversi laqgħat ma’ stakeholders prinċipali.
Il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Dr Michael Farrugia fakkar li fil-bidu ta’ din il-leġislatura kien is-Segretarju Parlamentari responsabbli mis-simplifikazzjoni u beda l-ħidma bil-ħatra ta’ Kummissarju għas-Simplifikazzjoni u t-Tnaqqis tal-Burokrazija. Fost il-ħidma li twettqet dak iz-żmien kien hemm is-simplifikazzjoni fl–applikazzjonijiet tat-tenders; bidliet fil-ħidma tal-Parlament; diversi diskussjonijiet ta’ entitajiet, ministeri u stakeholders differenti; applikazzjonijiet fast track fil-MEPA kemm-il darba kollox ikun skont il-policies neċessarji li tkun evalwata f`perjodu ta’ madwar tmien ġimgħat sabiex ikun hemm ħin għal evalwazzjoni tal-applikazzjoni li tkun skont il-parametri u anke ħin biex tiġi evalwata minn terzi persuni (third parties).
Il-Ministru ħabbar numru ta’ inizjattivi li bihom se jkun qiegħed jiffaċilità diversi proċessi amministrattivi. Fost oħrajn semma wħud li daħlu fis-seħħ diġà bħat-tneħħija tal-vouchers tad-dawl hekk kif il-voucher qiegħed jitnaqqas direttament mill-kont; meta xi ħadd ikun wasal biex jirtira m’għandux għalfejn japplika tlett xhur qabel għaliex jirċievi notifika awtomatikament. Min-naħa l-oħra l-Ministru Dr Michael Farrugia tenna diversi proposti ġodda li bħalissa qed issir ħidma fuqhom, bħat-tneħħija ta’ notifika meta koppja tiżżewweġ, it-tneħħija tal-applikazzjoni tal- marriage grant. Semma wkoll li l-benefiċjarji li huma intitolati għall-inqas rata ta’ children allowance jew supplementary allowance mhux se jkollhom bżonn japplikaw għaliex id-dipartiment ikkonċernat diġà se jkollu din l-informazzjoni u l-avviż se jkun awtomatiku. Intant, il-Ministru ħabbar li bħalissa għaddejjin b’numru ta’ inizjattivi biex tiġi indirizzata simplifikazzjoni fil- Housing Authority anke permezz ta’ links mad-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali. Hemm ħidma għaddejja sabiex issir estensjoni ta’ aċċess għall-applikazzjonijiet online fejn ser jissaħħu s-servizzi offruti bl-e-government. Dawn l-inizjattivi u oħrajn se jkunu qegħdin jidħlu fis-seħħ sabiex iċ-ċittadin jinqeda aħjar u bl-iktar mod effiċjenti ta’ riżorsi.
L-istakeholders differenti ħeġġew biex ir-regolamenti jiġu aġġornati bla ma jkunu kkumplikati. Saru appelli wkoll għal aktar sinerġija bejn dipartiment u ieħor. Huma tennew li jirrikonoxxu sfidi fil-kultura fejn tidħol implementazzjoni ta’ miżuri ġodda.
Il-kelliem ewlieni tal-Gvern, Carmelo Abela saħaq fuq l-importanza ta’ checks and balances biex jitnaqqsu l-abbużi u finalment sabiex kulħadd joħroġ rebbieħ billi nnaqqsu proċessi burokratiċi. B’hekk il-pajjiż isir aktar kompetittiv, ngħixu kwalità ta’ ħajja aħjar, jinġieb aktar xogħol permezz tal-business, tidħol responsabbilità iktar komda għall-ħaddiema, u jgawdi ċ-ċittadin b’mod inġenerali b’servizz aħjar u b’inqas taxxi.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en