IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI JUSTYNE CARUANA TILTAQA’ MAL-KUMITAT KONSULTATTIV TA’ ĠENITURI SERVIZZI TA’ MATUL IL-JUM (KKGS)
Dr Justyne Caruana ltaqgħet mal-Kumitat Konsultattiv ta’ Ġenituri Servizzi Matul il-Jum (KKĠS).
L-għan ta’ dan il-Kumitat huwa li jfittex l-interessi ta’ kull persuna b’diżabilità li tattendi fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum għall-Persuni b’Diżabilita li huma mmexxija mill-Aġenzija Sapport. Flimkien mas-Segretarju Parlamentari Dr Justyne Caruana, il-Kumitat esprima t-tħassib tiegħu f’diversi oqsma fosthom is-servizzi fil-komunità, servizzi residenzjali, il-qagħda taċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum u l-isfida tax-xogħol.
Min-naħa tagħha s-Segretarju Parlamentari tenniet l-impenn tal-Gvern fil-qasam tad-diżabilità u fost affarijiet oħra fakkret kif il-Gvern b’mod konkret qed jindirizza l-punti kollha mqajjma mill-Kumitat, partikolarment fejn jidħol il-qasam residenzjali fejn Dr Caruana rreferiet għad-dar fis-Siġġiewi li hu maħsub li tinfetaħ sal-aħħar ta’ din is-sena u dar oħra f’Għawdex li dwarha hemm espressjoni ta’ interess li tagħlaq fl-14 ta’ Awwissu. Dwar iċ-ċentri, is-Segretarjat diġà ddikjara b’mod pubbliku li apparti l-istandards għas-servizz residenzjali ser ikun hemm ukoll dawk għaċ-ċentri u servizz għal matul il-jum u fil-fatt id-diskussjonijiet diġà bdew. Bdew ukoll sensiela ta’ xogħlijiet ta’ manutenzjoni fiċ-ċentri u dan bi ftehim mal-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi. Dwar is-servizzi fil-komunità s-Segretarju Parlamentari qalet li hemm qbil li dawn għandhom jissaħħu u jsiru iktar personalizzati.
Il-Kumitat u s-Segretarju Parlamentari awguraw lil xulxin tal-ħidma sfieqa li qed issir minnhom fil-qasam tad-diżabiltà u ż-żewg naħat reċiprokament irrendew ruħhom disponibbli għall-bżonnijiet tal-qasam tad-diżabiltà.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en