KUMPANIJA ŻGĦIRA TKUN TA' EŻEMPJU GĦAL DAWK AKBAR MINNHA FIR-RIĊIKLAR TAL-ISKART
Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima Leo Brincat waqt it-tnedija tal-iskema ‘Recycle and Redeem’ minn The Bakery Shop
“Kumpanija żgħira tkun ta’ eżempju għal dawk akbar minnha fir-riċiklar tal-iskart”, qal il-Ministru Leo Brincat meta dalgħodu inawgura l-inizjattiva esklussiva ‘Recycle and Redeem’ ta' The Bakery Shop ġewwa l-binja tagħhom fin-Naxxar, li kien qed jiġi inawgurat mill-ġdid illum ukoll wara li għadu kif ġie refurbished.
Il-Ministru qal li din l-inizjattiva turi li d-daqs tal-intrapriża biex jiġi mgħejjun l-ambjent ma jagħmilx differenza, filwaqt li tkompli turi li hemm għadd ta’ metodi u ideat innovattivi li bih wieħed jista’ jagħmel dan.
The Bakery Shop huwa parti minn grupp ta' outlets appoġġjati mid-ditta Golden Harvest f'seba’ lokalitajiet Maltin f’binjiet tal-istess kumpanija.
Il-Ministru Brincat sostna li The Bakery Shop ser ikun qed jimbotta ’l-quddiem ir-riċiklaġġ permezz ta’ loyalty card b'differenza għaliex tibbenefika direttament lill-konsumatur filwaqt li ttejjeb l-ambjent ta' madwarna.
Dan ser isir permezz ta’ sistema li biha min jixtri prodotti ppakkjati fil-plastik jew kartun ikunu jistgħu jibbenefikaw finanzjarjament jekk jirritornaw l-istess pakketti vojta b’sticker speċjali fuqhom wara li jagħmlu użu minnhom.
Il-Ministru radd ħajr kemm lis-Sur Daniel Coppini li oriġina din l-iskema u li jopera dawn is-seba’ outlets, kif ukoll liċ-CEO tal-Golden Harvest, li kien preżenti għall-inawgurazzjoni, għall-mod eżemplari li bih il-kumpanija tiegħu dejjem ippruvat ittejjeb il-prodotti tagħha għas-servizz tal-konsumatur.
Huwa sellem ukoll lill-impjegati kollha preżenti.
Il-Ministru Brincat qal li din l-okkażjoni tikkonferma li s-sehem ta’ kulħadd huwa meħtieġ sabiex jirnexxi l-pjan dwar l-immaniġġjar tal- iskart.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en