IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU DR EDWARD ZAMMIT LEWIS JILQA’ B’SODISFAZZJONI ĊIFRI TAJBIN DWAR L-AKKOMODAZZJONI KOLLETTIVA
Il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis jilqa’ bi pjaċir iċ-ċifri pożittivi li ġew ippubblikati dalgħodu mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika dwar l-Akkomodazzjoni Kollettiva.
Imqabbel mal-istess xahar tas-sena l-oħra, f’Mejju li għadda ġie reġistrat tkabbir ta’ 9.5% fil-wasliet u ta’ aktar minn 2% fl-iljieli mqatta’ ġewwa l-lukandi u l-akkomodazzjonijiet kollettivi oħra bħal guesthouses, hostels u villaġġi turistiċi. Iż-żieda fil-wasliet inħasset għal darb oħra ukoll fil-Gżira Għawdxija meta f’Mejju 2014 ġiet irreġistrata żieda ta’ aktar minn 2% ikkumparat ma’ Mejju 2013. Dan ifisser li l-Gzira t’Ghawdex qegħda tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq id-day trippers. Hu sinjal ċar li Għawdex qegħda ssir destinazzjoni turistika għal rasha. Dan hu indikattiv li qed tibda titwettaq il-wegħda elettorali ta’ ‘Xogħol għal Għawdex f’Għawdex’, żied jgħid il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis.
Ta’ sodisfazzjon hija ż-żieda fl-iljieli li turisti jqattgħu fil-lukandi partikolarment dawk ta’ 3 stilel fejn Mejju li għadda ra żieda ta’ kważi 8% meta mqabbel ma’ Mejju tas-sena li għaddiet.
Fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena meta mqabbla mal-istess xhur tal-2013, kien hemm żieda nkoraġġanti ta’ 11% fil-wasliet. Ta’ min jinnota b’sodisfazzjon li fl-istess xhur ikkumparati, kien hemm tkabbir ta’ kważi 9% fl-iljieli mqatta’ minn turisti ġewwa lukandi ta’ 5 stilel. Fl-istess xhur f’Għawdex kien hemm żieda ta’ kważi 4% u ta’ aktar minn 8% fl-iljieli li turisti qattgħu f’lukandi ta’ 5 stilel u ta’ 4 stilel rispettivament.
Il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis sostna li dawn is-suċċessi li qed jiġu kkunfermati xahar wara xahar qed isarrfu f’aktar profittibilità u żieda kif ukoll stabbilità fl-impjiegi fl-industrija tat-turiżmu. Il-Gvern jibqa’ impenjat sabiex isostni dawn ir-riżultati pożittivi u jaħdem għall-aktar tkabbir u titjieb fil-kwalità tal-prodott turistiku fl-Gżejjer Maltin, temm jgħid il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en