JIDĦOL FIS-SEĦĦ IL-PROGETT LEJN IT-TĦADDIR TAL-KOMUNITAJIET
Titwettaq miżura oħra tal-Budget 2014
L-iffirmar ta’ erba’ Memoranda of Understanding bejn il-Ministeru tal-Ambjent u s-Sindki ta’ erba’ lokalitajiet magħżula mit-tramuntana, iċ-ċentru, u n-nofsinhar ta’ Malta flimkien ma’ Għawdex qed iġib fis-seħħ miżura oħra tal-Budget tal-2014 li hija maħsuba biex permezz ta’ għajnuna diretta lill-Kunsilli Lokali twassal għall-aktar tħaddir tal-komunitajiet.
Dan qalu l-Ministru Leo Brincat ftit qabel ma sar l-iffirmar tal-MOUs fil-Ministeru tiegħu mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru s-Sur Joseph F. Caruana u s-Sindki rispettivi tal-Fgura Dr Byron Camilleri, tal-Msida s-Sinj. Margaret Baldacchino Cefai, ta’ San Pawl il-Baħar is-Sur Raymond Tabone u tar-Rabat, Għawdex Dr Samuel Azzopardi.
L-iffirmar sar fil-preżenza tas-Sinj. Michelle Borg, Chief Officer Strategy fil-Ministeru, is-Sur Herman Galea, Direttur tad-Direttorat tal-Parks u s-Sur Malcolm Borg, ko-ordinatur ta’ din l-inizjattiva.
Il-Ministru Brincat qal li issa li ser jiġi fis-seħħ dan il-proġett pilota bbażat fuq proposti tal-istess Kunsilli Lokali, li ġew mgħarbla minn uffiċjali tal-Ministeru, jawgura li dak li din is-sena nbeda bħala proġett pilota jkun jista’ jitkattar fis-snin li ġejjin fuq firxa aktar wiesgħa madwar Malta u Għawdex.
Il-Ministru Brincat qal li l-għan tal-Ministeru tiegħu huwa li fuq medda ta’ żmien maqbul mal-Ministeru tal-Finanzi, dan il-proġett ikun jista’ jinfirex fil-bliet u rħula Maltin kollha.
Huwa qal li l-lokalitajiet mhux biss intgħażlu minħabba li huma fost l-aktar li huma milqutin direttament mit-tniġġiż – speċjalment dak tat-traffiku – iżda l-Kunsilli nfushom kienu mħeġġa apposta jagħżlu żoni urbani fil-bliet u rħula tagħhom.
Filwaqt li l-Kunsilli Lokali ser ikunu responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ dal-proġetti pilota flimkien mal-ħruġ tat-tenders, il-ħlas ser ikun taħt l-iskrutinju tal-Ministeru billi dawn huma fondi pubbliċi li jaqgħu taħt il-vot tal-Ministeru stess.
Barra milli ser ikun hemm tender specifications għal project landscaping li jorbtu lil kull lokal, kull Kunsill ser ikun mitlub jibgħat status report lill-Gvern biex jiffaċilita l-monitoraġġ ta’ dawn il-proġetti. Il-Ministeru ser ikun qed jagħmel ukoll compliance visits biex jiżgura li l-kundizzjonijiet tal-ftehim ikunu qed jiġu osservati.
Kull tibdil li jsir għal dal-ftehim irid jiġi maqbul mal-awtoritajiet ċentrali filwaqt li l-Ministeru jkun jista’ itemm dal-kuntratt kemm-il darba l-kundizzjonijiet tiegħu ma jiġux osservati.
Il-Ministru Brincat qal li ser ikunu qed jintużaw biss siġar u pjanti indiġeni, b’rispett sħiħ għall-Pjan Nazzjonali dwar l-Ambjent u tal-Bijodiversità ta’ pajjiżna.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en