DISKORS MILL-MINISTRU GĦAT-TRASPORT U L-INFRASTRUTTURA JOE MIZZI FIT-TNEDIJA TA’ PILOT BOAT ĠDIDA U L-BINI ĠDID TAL-MALTA MARITIME PILOTS
Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalija li llum qiegħed magħkom hawn biex nassisti għal dan l-avveniment speċjali li jimmarka investiment sostanzjali ieħor mill-Malta Maritime Pilots.
Illum hija okkażjoni speċjali oħra fl-istorja glorjuża ta’ Malta Maritime Pilots bl-inawgurazzjoni u t-tnedija ta' pilot boat ġdida, kif ukoll l-inawgurazzjoni ta’ stazzjon ġdid, li dan qed isir għall-ewwel darba fil-portijiet tagħna.
Dan juri biċ-ċar li l-opportunitajiet dejjem jiżdiedu u li l-Malta Maritime Pilots identifikaw il-potenzjali li l-baħar ta’ madwarna qed joffri lill-gżejjer tagħna.
Il-pożizzjoni strateġika ġeografika tal-gżejjer tagħna fiċ-ċentru tal-Mediterran u r-riżorsi umani, li huma s-sinsla ta’ din il-gżira, huma l-elementi ewlenin li jpoġġu s-settur marittimu f'Malta bħala wieħed mill-aktar setturi important fl-ekonomija.
Meta wieħed jirreferi għas-settur marittimu Malti, wieħed għandu mhux biss isemmi r-Reġistru Malti tal-Vapuri, li huwa l-akbar fl-Ewropa u s-seba’ l-akbar fid-dinja, iżda wkoll jottijiet, l-edukazzjoni marittima, is-settur tal-cruise liners, tas-superyachts, tad-dock yards u ħafna oqsma oħra.
Din l-industrija, madankollu, ma seħħitx waħedha, iżda hija r-riżultat ta’ xogħol iebes u sforzi ta' ħafna professjonisti, individwi u kumpaniji privati li kienu kuraġġużi u investew fil-potenzjal marittimu ta’ dan il-pajjiż.
Il-pilot boat OHIO, b’investiment sostanzjali ta’€600,000 mill-Malta Maritime Pilots, mhux biss se ttejjeb l-operazzjonijiet tal-koperattiva u l-operazzjonijiet portijiet Maltin, iżda hija konformi mal-politika ta’ Malta Martime Pilots biex kontinwament jinvestu u jaġġornaw is-servizzi tagħhom għall-benefiċċju tal-industrija tal-port lokali.
Din hija prova ċara tal-investiment sostanzjali li l-Malta Maritime Pilots għamlet fl-industrija marittima Maltija u avveniment importanti fis-serje ta' inizjattivi li Malta Maritime Pilots ħadet matul l-aħħar snin biex ittejjeb l-infrastruttura u s-servizzi fil-portijiet tagħna.
Dan huwa eżempju ċar tal-impenn tal-Malta Maritime Pilots li ħadet matul is-snin biex investiet fit-titjib tal-faċilitajiet edukattivi marittimi biex jedukaw lill-baħħara futuri tagħna.
Nixtieq għalhekk nirringrazzja pubblikament lill-Malta Maritime Pilots għall-isforzi tagħhom, dedikazzjoni u determinazzjoni fil-kontribut li qed jagħtu u li wasslu għar-riżultati pożittivi li Malta marittima kisbet fis-settur marittimu.
Fuq nota nazzjonali, nixtieq ngħid li l-Gvern tiegħi, filwaqt li jagħraf il-potenzjal ta’ dan is-settur, huwa impenjat u se jkompli jappoġġja inizjattivi li jimmiraw biex jipprovdu l-qafas xieraq li jassigura futur sostenibbli għall-benefiċċju tal-industrija kollha, mhux biss fit-titjib tal-infrastruttura tagħna iżda wkoll fl-investiment fit-taħriġ, il-kapital uman u apparat adegwat.
Fil-fatt, matul is-sena li għaddiet, il-Gvern tiegħi beda jaħdem fuq numru ta’ inizjattivi importanti li mistennija jiffaċilitaw iktar it-tkabbir sostenibbli fl-industrija marittima.
Sinjuri,
Dan il-Gvern qed jinvesti fil-potenzjal marittimu tal-pajjiż tagħna u jibqa’ kommess li jkompli jiffaċilità s-settur privat fit-teħid tal-inizjattivi neċessarji sabiex l-industrija marittima Maltija tkompli tiffjorixxi fis-snin li ġejjin.
F'isem iċ-ċittadini Maltin, għal darb'oħra, nieħu din l-opportunità biex nifraħ lilkom għall-isforzi kollha li għamiltu u nixtiqilkom kull suċċess fil-ġejjieni.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en