IL-JUM DINJI TAL-EPATITE
Fit-28 ta’ Lulju huwa l-jum li fih tiġi mfakkra l-marda infettiva tal-Epatite, bl-għan li tinħoloq aktar kuxjenza dwar l-effetti ħżiena li tista’ toħloq din il-marda. Il-prevenzjoni, id-dijanjożi u t-trattament huma importanti li jsiru biex jitnaqsu l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jikkawżaw kanċer u l-insuffiċjenza fil-fwied. Għalhekk huwa importanti ħafna li l-pubbliku, inklużi l-professjonisti tas-saħħa, jkunu jafu aktar fuq din il-marda. Eżami mediku huwa importanti biex f’każ li dan jirriżulta fil-pożittiv, jiġi avviċinat speċjalista biex tinbeda l-kura.
Persuna minn kull tnax madwar id-dinja huma infettati bil-marda tal-epatite, dan jammonta għal madwar 130–170 miljun ruħ. Epatite B u Ċ huma meqjusa bħala “il-qattiela siekta” (silent killers) dan peress li l-persuna infettata ma jkollha l-ebda tip ta’ sintomi, sakemm jibdew jidhru xi sinjali serji. Persuni infettati jkunu qed jirriskjaw li jinfettaw persuni oħra li huma qrib tagħhom jew li jkunu attivi sesswalment magħhom.
It-tema ta’ din is-sena hija “Aħsiba sew. Ipprevjenti l-Epatite” (Think again. Prevent Hepatitis). Il-prevenzjoni tista’ ssir billi tastjeni li milli tieħu drogi, tuża labar u affarijiet oħra li jintużaw għat-teħid tad-droga wara persuna oħra, uża condoms b’mod tajjeb u konsistenti u ħu t-tilqim disponibbli u skont l-iskeda. Madanakollu huwa importanti li dawk li jaħsbu li huma infettati, għandhom jikkonsultaw speċjalista biex f’każ ta’ riżultat pożittiv isiru t-trattamenti meħtieġa biex tiġi evitata aktar ħsara.
Għal kuntratju tal-Epatite Ċ, jeżisti vaċċin għall-Epatite B. Għalhekk huwa importanti li l-pubbliku jkun konxju u jieħu dan il-vaċċin. Preżentament il-Gvern diġà joffri din it-tilqima mingħajr ħlas fil-klinika ġenito-urinarja (GU Clinic) għall-individwi LGBTI. Tingħata ukoll lit-tfal, professjonisti tas-saħħa, il-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta u tal-Pulizija, dawk li jaħdmu mal-immigranti u individwi LGBTI.
Id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard fassal fuljetti speċifikatament fuq l-Epatite A, B u Ċ li huma aċċessibbli miċ-ċentri tas-Saħħa, sptarijiet, ċentri ta’ detenzjoni u tal-komunità u kif ukoll fuq postijiet tax-xogħol sabiex tkompli tiżdied il-kuxjenza dwar dan il-mard infettiv. Għal aktar informazzjoni wieħed jista ukoll jżur is-sit www.sexualhealth.gov.mt jew iċempel lid-Direttorat fuq 23266000. Biex wieħed ikun jista’ jagħmel xi testijiet mediċi jista’ jikkonsulta mat-tabib tiegħu jew iċempel lill-Klinika Ġenito-urinarja (GU Clinic) fuq 21227981.
Nhar it-Tnejn 28 ta’ Lulju se ssir out-reach f’The Point tas-Sliema, mill-ħdax ta’ filgħodu sa sagħtejn ta’ wara nofsinhar, fejn il-pubbliku jista’ jkun jaf aktar dwar l-Epatite u kif ukoll se jitqassmu l-fuljetti informattivi. Posters uffiċjali għal din il-kampanija se jitqassmu fl-isptarijiet ewlenin ma’ Malta u Għawdex, polikliniċi, Ministeri, ċ-ċentru DETOX, Sedqa, Bank tad-demm, Kunsilli lokali u f’diversi postijiet tax-xogħol.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en