IL-GVERN JINTRODUĊI KONTROLLI BIEX JIŻGURA AKTAR TRASPARENZA FIL-FINANZI PUBBLIĊI
Bħala parti mill-impenn tiegħu sabiex isaħħaħ it-trasparenza u l-akkontabilità fil-mod kif jintużaw il-fondi pubbliċi, il-Gvern implementa l-Att dwar ir-Responsabbiltà Fiskali, liġi storika li torbot lill-gvern ma’ governanza fiskali u sostenibbli u trasparenti, qal il-Ministru għall-Finanzi l-Prof. Edward Scicluna.
L-Att dwar ir-Responsabbiltà Fiskali tirrapreżenta pass mingħajr preċedent u innovattiv lejn l-ippjanar fiskali fit-tul hekk kif se timponi regolamenti ġodda fuq il-gvern kurrenti, kif ukoll dawk futuri, sabiex jiġi żgurat li l-finanzi pubbliċi jinżammu on track b’mod trasparenti u akkontabbli.
“Fil-passat kien hemm biss ftit istituzzjonijiet u proċessi li żammew lill-gvern responsabbli għall-mod kif jonfoq il-flus il-poplu. Fosthom kien hemm il-Public Accounts Committee, li jista’ biss jagħmel post-mortems wara li d-danni jkunu potenzjalment saru, u l-Baġit innifsu, li jkun regolarment mgħaddas b’misteri u segretezza. L-Att dwar ir-Responsabbiltà Fiskali se jbiddel dan kollu,” qal il-Prof. Scicluna.
Il-Prof. Scicluna spjega li l-Att legalment jistabilixxi numru ta’ regolamenti fiskali li se jiżguraw li l-prinċipji elwenin tar-responsabbiltà fiskali jinżammu, kif ukoll b’rigward l-impenni ta’ Malta lejn l-UE u r-responsabbiltajiet ta’ Malta bħala membru taż-Żona Ewro.
Il-Ministru għall-Finanzi qal ukoll li l-Att se jsaħħaħ il-proċess baġitarju u jintroduċi livell ta’ akkontabilità ferm akbar permezz tal-introduzzjoni ta’ numru ta’ kontrolli li jorbtu amministrazzjonijiet futuri ma’ tmexxija trasparenti u tiggarantixxi skrutinju pubbliku. Fosthom huma:
- Il-ħolqien ta’ Strateġija Fiskali rolling ta’ Terminu Medju (ta’ tliet snin) li jkun jeħtieġ li tiġi ppreżentata u dibattuta fil-Parlament, u li tiġi ffirmata mill-Ministru għall-Finanzi kif ukoll mill-Prim Ministru.
- Il-pubblikazzjoni ta’ Abbozz tal-Pjan Baġitarju qabel il-baġit innifsu, sabiex jiġi żgurat li d-direzzjoni tal-Gvern għall-baġit tkun trasparenti u li tkun konformi mal-prijoritajiet annwali u multi-annwali, kif ukoll mal-iStrateġija Fiskali rolling ta’ Terminu Medju.
- Rapport ta’ Nofs is-Sena li jiġi ppreżentat fil-Parlament li jagħti rapport fuq l-andament tal-gvern dwar l-implementazzjoni tal-baġit, kif ukoll dwar xi varjazzjonijiet bejn il-pjan baġitarju u l-implementazzjoni attwali tiegħu.
Prof. Scicluna spjega wkoll li sabiex jiġu rispettati l-allokazzjonijiet tan-nefqa tal-baġit, ir-Reviżjonijiet tal-Baġit se jitneħħew biż-żmien, u jiġu sostitwiti b’Riserva ta’ Kontinġenza li se tinħoloq bħala spiża allokata taħt l-allokazzjoni tal-baġit, imma li tkun irriżervata għal nefqiet mhux mistenija.
“Ir-regoli li se jinħolqu permezz ta’ dan l-Att huma stretti, imma hemm numru ta’ klawżoli li jippermettu lill-gvern, spazju fejn jimmanuvra f’ċirkostanzi li mhumiex mistennijja. Iżda kull nefqa addizzjonali trid tiġi spjegata b’mod ċar, u rrapurtata lill-Kunsill Fiskali,” sostna l-Prof. Scicluna.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en