IR-RITMU EKONOMIKU TA’ PAJJIŻNA JKOMPLI JIRRANKA
Dan il-Gvern qed jirnexxilu joħloq klima biex aktar ħaddiema mhux biss jaqilgħu l-għejxien tagħhom iżda jkunu kontributuri fis-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika kkonferma li, mill-bidu ta' din l-amministrazzjoni, kien hemm tkabbir fin-numru ta' nies jaħdmu full-time ta' 5,123, jiġifieri 14-il persuna aktar kuljum. Dan ifisser li t-tkabbir fl-impjiegi full-time matul l-ewwel sena ta' Gvern ġdid kien darba u nofs daqs it-tkabbir taħt l-amministrazzjoni preċedenti.
Iż-żieda fl-impjiegi kienet l-aktar osservata fost azjendi tas-settur privat. Għall-ewwel darba f'diversi snin, kien hemm tkabbir fl-impjiegi full-time f'setturi bħall-manifattura u l-kostruzzjoni, li bejniethom raw żieda ta' kważi mitejn impjieg. Dan b’kuntrast mal-andament fl-aħħar sena tal-Gvern preċedenti, li matulha f'dawn iż-żewg setturi kien hemm telf ta' 326 impjieg.
Setturi oħrajn fejn fi snin ta' qabel kien hemm tkabbir, bħal dawk tas-servizzi amministrattivi u professjonali, din is-sena raw aċċelerazzjoni sostanzjali. Tant li f'dawn is-setturi kien hemm tkabbir ta' 1,544 impjieg, jew żieda ta' kważi 10% mill-livell irreġistrat fl-aħħar xahar tal-amministrazzjoni preċedenti. Fl-informatika, pajjiżna rreġistra tkabbir ta' 328 impjieg full-time, jew 7%, filwaqt li fis-servizzi finanzjarji pajjiżna ra żieda ta' 255 impjieg, jew 4%.
Il-bidla fid-direzzjoni nħasset l-aktar fil-gżira Għawdxija, fejn matul l-ewwel sena tal-amministrazzjoni l-ġdida kien hemm żieda ta' 624 impjieg full-time, jew kważi 7%. Fl-aħħar sena tal-Gvern preċedenti, kien hemm żieda ta' ftit aktar minn 50 impjieg biss.
Anke fejn jidħlu s-self employed il-bidla pożittiva hija ċara. L-impjiegi full-time żdiedu b'353, kważi d-doppju taż-żieda reġistrata fl-aħħar sena tal-Gvern preċedenti. Iċ-ċifri juru wkoll li għal kull xogħol ġdid part-time, kien hemm żieda ta' kważi żewġ xogħlijiet full-time.
Din l-istatistika tikkonferma li r-ritmu ekonomiku ta’ pajjiżna qiegħed ikompli jirranka. Il-ħidma enerġetika ta’ din l-amministrazzjoni se tkompli fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin biex jinħoloq aktar xogħol li jippremja l-bżulija u jiżboq l-aspirazzjonijiet tal-Maltin u l-Għawdxin.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en