Left arrow Go Back

IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦAD-DRITTIJIET TA’ PERSUNI B’DIŻABILITÀ U ANZJANITÀ ATTIVA JUSTYNE CARUANA TINDIRIZZA PROGRAMM TA’ TAĦRIĠ FUQ ID-DIMENSJA LILL-UFFIĊJALI TAĊ-ĊENTRI TA’ MATUL IL-JUM GĦALL-ANZJANI

pr141656
Date Icon 21/07/2014

Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana indirizzat programm ta’ taħriġ fuq id-Dimensja organizzat mis-Segretarjat Parlamentari stess bħala parti mill-pjan u strateġija Nazzjonali tal-Gvern dwar  id-Dimensja. Is-Segretarju Parlamentari qalet li bħal bqija tal-pajjizi żviluppati u dawk li għadhom qed jiżviluppaw, f’Malta, il-popolazzjoni tal-anzjani qed tiżdied. Filfatt, bħalissa kwart tal-popolazzjoni ta’ pajjiżna huma persuni anzjani. Dan il-fatt ser iġib miegħu konsegwenzi soċjali kif ukoll ekonomiċi li għandna nindirizzaw b’mod urġenti minħabba li iktar nies ser jirrikorru għas-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali. Dan jgħodd ukoll għan-numru tan-nies bid-dimensja li wkoll ser jikber bir-riżultat li aktar familjari ser ikollhom jipprovdu għajnuna informali. Sas-sena d-dieħla (2015), in-numru ta’ nies bid-dimensja ser jaqbeż is-6,000 u huwa mistenni li sas-sena 2038, in-numru ta’ persuni li ser ikunu qed isofru mid-dimensja ser ikun qed jiżdied għal madwar 14,000.

Minħabba din l-isfida, il-Gvern Malti, permezz tas-Segratarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità ħadem fuq pjan nazzjonali sabiex jaffaċċja l-aspetti varji tad-dimensja fosthom li jżid għarfien, taħrig u proviżjoni ta’ servizzi bl-għan li jtejjeb il-kwalità ta’ ħajja tal-individwi bid-dimensja, ta’ dawk li jieħdu ħsiebhom kif ukoll tal-membri familjari tagħhom. Għalkemm dan il-pjan għadu ma ġiex ippublikat għax għadu fil-fażi ta’ konsultazzjoni, bosta inizjattivi qegħdin jittieħdu li jinkludu l-formazzjoni ta’ tim t’azzjoni tad-dimensja multi-dixxiplinarju li ser jghin lin-nies bid-dimensja fil-komunità. Ġew ukoll preparati leaflets ta’ informazzjoni sabiex titqajjem kuxjenza fost il-Maltin kif ukoll jipprovdu għajnuna lil min jieħu ħsieb sabiex jagħtu servizz aħjar fid-dar.

Is-Segratarju Parlamentari Dr Justyne Caruana qalet li s-sostenn tas-soċjetà huwa ferm importanti meta nikkunsidraw li l-maggoranza tal-individwi bid-dimensja jgħixu fil-komunità u jixtiequ jibqgħu sakemm hu possibli. Aspett importanti ieħor huwa l-iżvilupp fix-xogħol tal-ħaddiema. Bħalissa hemm nuqqas ta’ taħriġ ta’ livell għoli f’dan il-qasam, li qiegħed jirrifletti negattivament fuq il-proviżjoni tal-kura. Għalhekk ser isiru seniela ta’ korsijiet u dan tal-lum kien l-ewwel fost is-sensiela.

Dan il-kors ta’ taħriġ fid-dimensja, flimkien ma kors ieħor li sar fil-ġranet li għaddew fil-ġerontoloġija u l-ġerjatrija, juri kif is-Segretarjat għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva huwa impenjat li jagħti sehmu sabiex ikollna aktar għarfien aġġornat u adatt dwar settur tal-popolazzjoni li dejjem qed jikber u bi problemi partikolari bħad-dimensja.

Is-Segretarju Parlamentari  rringrazzjat lill-uffiċjali li attendew għal dan il-kors u sostniet li għad hemm proġetti kbar pjanati għaċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum fil-lokalitajiet u fil-qasam tal-kura tal-anzjani fil-komunità. Fl-aħħar tal-kors, Dr Caruana ppreżentat ukoll ċertifikati lil kull min ħa sehem f’dan il-programm ta’ taħriġ.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Inawgurata s-sala rinnovata tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli

PR262042

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

More Press Releases Right arrow