Left arrow Go Back

TKOMPLI R-RIFORMA FIL-ĠUSTIZZJA

pr141643
Date Icon 18/07/2014

Approvat abbozz ieħor li jemenda diversi liġijiet dwar materji kriminali

Hekk kif il-Parlament dalgħodu approva mill-istadji kollha abbozz ieħor li jemenda diversi liġijiet dwar materji kriminali, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar li fix-xhur li ġejjin il-Gvern se jkun qed jimplimenta sistema ġdida tal-IT f’awla tal-kriminal fuq bażi ta’ proġett pilota.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet Dr Bonnici sostna li bis-saħħa tal-emendi li ddaħħlu b’din il-liġi, il-Gvern se jkun qiegħed iżid l-effiċjenza fis-settur tal-ġustizzja bil-għan li, fost oħrajn, jonqos id-dewmien fil-kawżi kriminali li huma magħrufa bħala tad-distrett jew kawżi sommarji. Is-sistema se tiddaħħal f’awla ta’ Maġistrat wieħed u imbagħad din tkun tista’ tiġi estiża għall-awli kollha.

Il-Ministru Owen Bonnici tkellem dwar ir-riformi li se jkun qed idaħħal l-abbozz ta’ liġi fil-kamp penali li huma varji u jolqtu setturi differenti bħalma huma ċ-ċertifikati tal-kondotta u l-poter tal-Avukat Ġenerali fejn jidħlu kawżi tad-droga u reati ġodda. Huwa qal li wieħed mill-iktar reati importanti li se jiddaħħlu huwa ta’ stalking li jikkonsisti f’fastidju li jkun aggravat.

Dr Bonnici tkellem ukoll dwar l-emendi li jirrigwardaw id-diskrezzjoni tal-Avukat Ġenerali f’kawżi dwar drogi fejn permezz tagħhom d-diskrezzjoni oriġinali tal-Avukat Ġenerali li jiddetermina f’liema Qorti persuna għandha tiġi mressqa sejra tinżamm però se jiddaħħlu diversi salvagwardji favur l-akkużat.

Fost dawn is-salvagwardji hemm li fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tiegħu l-Avukat Ġenerali se jkun obbligat illi jieħu in konsiderazzjoni ċerti linji gwida li qegħdin fil-liġi stess u li d-diskrezzjoni tal-Avukat Ġenerali se tkun tista’ tiġi riveduta mill-Qorti. Apparti minn dan, jekk il-Qorti Kriminali wara li tkun semgħet il-każ tkun tal-idea illi għandha tapplika għar-reat partikolari l-pieni applikabbli fil-Qorti tal-Maġistrati hija se tkun tista’ tagħmel dan u allura l-Qorti Kriminali mhix se tibqa marbuta b’ minimu ta’ erba’ snin ħabs.

Hemm ukoll emendi oħra relatati mad-diskrezzjoni tal-Avukat Ġenerali li qed isiru fl-Att dwar il-Money Laundering u fl-Att dwar il-Logħob u l-Lotteriji.

Il-Ministru Owen Bonnici żied jgħid li hemm ukoll emendi għall-Ordinanza dwar iċ-Ċertifikati tal-Kondotta li jipprovdu li meta xi ħadd li jkollu kondotta nadifa jeħel multa ta’ mhux aktar minn mitejn ewro l-ewwel darba u din ma tinżilx fil-kondotta. Huwa qal ukoll li bis-saħħa tal-emendi se titneħħa inġustizzja li bdiet tiġi kkawżata wara emendi li saru fl-aħħar leġiżlatura fejn persuna li snin qabel kienet tinstab ħati ta’ reat, żgħir kemm hu żgħir, ma setgħet qatt tieħu ċertifikat ta’ kondotta nadifa.

Dr Bonnici stqarr ukoll li se tiddaħħal il-fakultà illi meta l-Qorti tagħti sentenza sospiża ta’ aktar minn sitt xhur ħabs il-Qorti tkun tista’ apparti li tqiegħed lill-ħati taħt ordni ta’ superviżjoni toħroġ ukoll community service order lill-ħati taħt l-Att dwar il-Probation. B’din l-ordni jkun jinħtieġ mill-ħati, li jagħmel xogħol bla ħlas jew xogħol bla ħlas u taħriġ skont kif jirriżulta li huwa għaqli li jsir mir-rapporti tal-esperti.

Intant se tiżdied skala oħra ta’ piena minn għaxar snin sa erbgħin sena. Dr Bonnici spjega li llum il-Qorti tista’ tagħti massimu ta’ tletin sena ħabs, inkella għomor. Din l-iskala l-ġdida se tagħmilha possibbli li tingħata piena sa erbgħin sena ħabs mingħajr ma jingħata għomor.

Qed jiddaħħal ukoll reat ġdid dwar il-promozzjoni ta’ mibgħeda razzjali minn uffiċjali pubbliċi li f’xogħolhom jassumu t-tmexxija ta’ xi grupp li jippromwovi l-mibgħeda razzjali filwaqt li qed jiżdiedu l-pieni għal min jagħmel vandaliżmu fuq monumenti pubbliċi jew ħwejjeġ li jsebbħu l-postijiet pubbliċi.

Dr Bonnici rrefera wkoll għal għadd ta’ emendi li jirrigwardjaw in-notifika li għandhom il-għan li jaċċertaw inqas dewmien f’każ li persuna li tkun akkużata b’kawżi minuri (tad-distrett u sommarji) fil-kamp kriminali tkun ġiet notifikata tagħżel li ma titlax il-Qorti. Huwa qal li dawn l-emendi mhumiex se jidħlu fis-seħħ mill-ewwel, imma se jidħlu fis-seħħ hekk kif jiġi aċċertat li s-sistema tal-IT tkun bdiet taħdem b’suċċess fl-awli kollha.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Inawgurata s-sala rinnovata tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli

PR262042

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

More Press Releases Right arrow