FL-AĦĦAR SENA L-KUMPANIJI TAL-LOGĦOB F’PAJJIŻNA ŻDIEDU BI 8%
José Herrera jħabbar it-twaqqif ta’ entitajiet ġodda
Is-Segretarju Parlamentari José Herrera qal li fl-aħħar sena l-kumpaniji tal-logħob reġistrati f’pajjiżna żdiedu bi 8 fil-mija li jfisser medja ta’ 3 liċenzji fix-xahar. Fl-istess ħin naqset il-burokrazija għal dawk li jixtiequ jagħmlu applikazzjoni għal-liċenzja jew twaqqif ta’ kumpaniji. Fi żmien fejn l-istennija tfisser flus, is-Segretarju Parlamentari qal li ż-żmien biex jiġu pproċessati applikazzjonijiet ġodda niżel għal tliet xhur. José Herrera kien mistieden mill-Kamra tal-Kummerċ biex jagħlaq business breakfast li ġie organizzat minnhom dalgħodu dwar l-industrija tal-logħob minn distanza (remote gaming).
F’“The Remote Gaming Business Breakfast Plans For Reform: Where to?” is-Segretarju Parlamentari qal li din l-industrija li bdiet bħala niċċa llum timpjega magħha mal-kważi 9,000 persuna. B’kollox f’pajjiżna għandna 250 kumpanija tar-remote gaming li bejniethom joperaw 400 liċenzja maħruga mill-Awtorità Maltija tal-Logħob u l-Lotteriji (LGA). “M’hemmx dubju mir-reputazzjoni u kunfidenza li għandha Malta f’din l-industrija u f’dan is-settur. Aħna kommessi li din ir-reputazzjoni u kunfidenza nżiduha,” tenna s-Segretarju Parlamentari José Herrera.
“Bħala Gvern, flimkien mal-Awtorità u l-istakeholders ewlenin ta’ din l-industrija aħna kommessi li nimxu ’l quddiem u nirrevedu dawk il-prassi li llum saru antiki. Saħħaħna l-viżibilità tagħna. L-LGA saħħet l-infrastruttura tekonoloġika tagħha. Qed nipprovdu u se nipprovdu aktar protezzjoni lill-konsumatur. Qegħdin fil-proċess li nkunu minn tal-ewwel li nagħmlu leġiżlazzjoni li tirregola d-digital games of skill with prizes. Imma biex nagħmlu dan kollu hemm bżonn ta’ riorganizazzjoni ta’ kif noperaw din l-industrija,” tenna s-Segretarju Parlamentari.
Hawn is-Segretarju Parlamentari ħabbar it-twaqqif ta’ xi entitajiet li fimkien ma’ dawk preżenti, erbgħa b’kollox, se jkunu qed jieħdu ħsieb li jmexxu ’l quddiem dan is-settur. Dawn huma:
L-Awtorità Maltija tal-Logħob u l-Lotteriji
Din l-Awtorità regolatorja se tibqa’ tieħu ħsieb ir-regolamentazzjoni, il-politika, il-liċenzjar u l-leġiżlazzjoni marbuta mal-industrija.
Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli
Din il-Fondazzjoni, li twaqqfet ftit taż-żmien ilu, se tkun qed tieħu ħsieb il-protezzjoni tal-konsumatur, l-aktar dak vulnerabbli fl-istess ħin li tippromwovi l-logħob responsabbli.
Gaming Academy
Din l-istituzzjoni li trid titwaqqaf se tieħu ħsieb li tħarreġ u tippromwovi l-aqwa talent u riżorsi umani fl-industrija. L-għanijiet ta’ din l-akkademja se jkunu tnejn. L-ewwel li tgħin fl-iżvilupp tal-karrieri fl-istess ħin li tippromwovi ’l quddiem il-profil tal-operaturi f’pajjiżna.
Il-viżjoni ta’ din l-akkademja huwa li npoġġu f’dan is-settur l-ogħla livell ta’ professjonaliżmu biex inkomplu nagħmlu minn Malta ċentru ta’ eċċellenza ħalli b’hekk inkomplu nattiraw lejn pajjiżna l-aqwa kumpaniji.
Gaming Malta
Din il-Fondazzjoni fuq naħa se sservi bħala forum għall-operaturi u fuq in-naħa l-oħra bħala promotur ewlieni biex niġbdu lejn pajjiżna aktar investiment. “Permezz ta’ din il-fondazzjoni pajjiżna se jkun jista’ jieħu lil din l-industrija fil-livell li jmiss,” tenna s-Segretarju Parlamentari.
“Naħseb li taqblu miegħi. Iż-żmien li għandna quddiemna huwa eċitanti madanakollu l-industrija hija waħda b’saħħitha. Għalhekk ejja nagħmlu minn kollox biex inżommuha b’saħħitha,” tenna s-Segretarju Parlamentari José Herrera.
Is-Segretarju Parlamentari qal ukoll li pajjiżna qed jesplora opportunitajiet ta’ swieq ġodda bħaċ-Ċina u pajjiżi oħra Asjatiċi biex dawn jiftħu s-swieq tagħhom għall-kumpaniji reġistrati f’pajjiżna biex Malta tkompli tikber f’din l-industrija.
Il-Business Breakfast ta’ dalgħodu kien indirizzat ukoll miċ-Chairman Eżekuttiv tal-LGA s-Sur Joseph Cuschieri, iċ-Chairman tar-Remote Gaming Business Section fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ is-Sur George Debrincat, Dr Olga Finkel u l-Konsulent Ingliż Dr David Clifton.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en