IT-TIBDIL TAL-KLIMA JOLQOT FIL-LAĦAM IL-ĦAJ LIR-REĠJUN TAL-MEDITERRAN LI HUWA WIEĦED MILL-AKTAR VULNERABBLI MADWAR ID-DINJA
Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat jindirizza laqgħa informali tal-Ministri Ewropej tal-Ambjent f’Milan
It-tibdil tal-klima jolqot fil-laħam il-ħaj lir-reġjun tal-Mediterran li huwa wieħed mill-aktar vulnerabbli madwar id-dinja, raġuni li fiha nnifisha hija valida biżżejjed għalfejn pajjiżna għandu jkompli jpoġġi din il-problema fuq quddiem nett tal-aġenda lokali, reġjunali u globali tiegħu.
Dan qalu l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat meta kien qiegħed jitkellem dwar dan is-suġġett fil-laqgħa informali tal-Ministri Ewropej tal-Ambjent ġewwa Milan bi tħejjija għas-Summit għall-Mexxejja Dinjija msejjaħ mis-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda f'Settembru li ġej.
Il-Ministru Brincat qal li għaldaqstant Malta tawgura li kemm dan is-Summit kif ukoll in-negozjati internazzjonali li għandhom iwasslu għall-laqgħa globali ta' Lima fil-Peru f'Diċembru li ġej għandhom jagħtu l-frott meħtieġ u mistenni, fl-iqsar żmien possibbli.
Dwar is-Summit tal-mexxejja dinjija li ser jorganizza Ban Ki-moon, il-Ministru Brincat qal li dan l-avveniment għandu jimmira biex:
• jagħti xhieda tal-impenn tal-mexxejja ewlenin biex tiġi indirizzata l-isfida tat-tibdil tal-klima
• tinbena rankatura qawwija biżżejjed bil-għan li jintlaħaq ftehim li jorbot dwar il-klima ġewwa Pariġi fi tmiem is-sena d-dieħla
• jipprovdi opportunità unika ta' appoġġ għall-proċess tal-UNFCCC (UNITED NATIONS FRAMEWORK CONVENTION ON CLIMATE CHANGE)
• jiffoka fuq dak li l-kommunità internazzjonali aspirat għalih ġewwa Durban, Doha u Varsavja.
Il-Ministru Brincat appella wkoll biex dakinhar tingħata assikurazzjoni dwar il-kapitalizzazzjoni tal-hekk imsejjaħ GREEN CLIMATE FUND u jiżdied l-appoġġ politiku għall-CLIMATE FINANCE, idealment b'sehem u b'impenn tas-settur privat ukoll.
Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima saħaq li l-ftehim dwar il-qafas għas-sena 2030 propost mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-Klima u l-Enerġija mhux biss jeħtieġ li jiġi maqbul mingħajr dewmien iżda jrid ikun marbut direttament mal-proċess kollu msemmi flok jiġi ttrattat b'mod iżolat.
Huwa tenna li jekk id-dinja globalizzata tagħżel li ma tagħmel xejn jew tmur għal soluzzjonijiet nofshom imsajrin il-prezz li jkollha tħallas ikun għola anki finanzjarjament milli kieku kellha tieħu l-miżuri kuraġġużi u radikali sabiex l-adattazzjoni u l-mitigazzjoni jiġu maqbula b'mod miftiehem u ko-ordinat.
Speċjalment issa li anki pajjiżi kbar bħall-Istati Uniti qed jagħrfu l-fatt li l-indifferenza lejn dan is-suġġett tkabbar ir-riskji finanzjarji u ekonomiċi kemm għall-pajjiżi kbar u dawk iċken minnhom anki fuq livell ta' intrapriżi u negozji.
Il-Ministru Brincat kompla jisħaq li billi fil-każ tal-Mediterran din tibqa’ waħda mill-aktar reġjuni vulnerabbli għal din it-theddida serja, għaldaqstant pajjiżna flimkien ma’ oħrajn għandu jippjana wkoll għar-riżultati konkreti li jmorru ferm lill hinn mis-Summits imsemmija nfushom.
Kull ftehim milħuq jeħtieġ li jkun robust, ambizzjuż, inklużiv u effettiv.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en