ĊERTIFIKAZZJONI TA’ EĊĊELLENZA GĦAL MALTA MINN TRIP ADVISOR
“Għandu jsir aktar użu mill-patrimonju storiku u kulturali tagħna biex nagħmlu minn Malta destinazzjoni turistika ta’ kwalità fil-Mediterran”
Il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis żar il-Lascaris War Rooms, fuq stedina minn Fondazzjoni Wirt Artna il-Belt Valletta. Hu wera l-apprezzament tiegħu lejn din l-NGO, li permezz tal-ħila kontinwa tagħha, Malta rnexxilha tikseb ċertifikazzjoni ta’ eċċellenza minn Trip Advisor għal diversi siti prominenti f’pajjiżna. Trip Advisor hi meqjusa bħala waħda mill-akbar siti tal-ivjaġġar fid-dinja.
Għalkemm din m’hijiex l-ewwel darba li l-Fondazzjoni Wirt Artna kisbet klassifikazzjoni tajba, ta’ min jinnota li Trip Advisor għal din is-sena għoġobha tippremja bi tlett ċertifikati ta’ eċċellenza lill-Forti Rinella, Malta at War Museum u Lascaris War Rooms. Is-sit tal-aħħar irċieva dan iċ-ċertifikat ta’ eċċellenza għat-tielet sena konsekuttiva.
Barra minn hekk Malta rnexxiela takkwista ċertifikat interessanti ieħor minn Travellers’ Choice Landmark 2014 għal Fort Rinella wkoll.
Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis saħaq li dawn l-unuri jagħmlu ġieħ lil Malta peress li llum il-ġurnata t-turisti qegħdin jirrikorru dejjem iktar għall-internet, social media u siti bħal Trip Advisor, biex jitgħallmu aktar dwar attrazzjonijiet madwar id-dinja.
“Dan ifisser”, kompla jgħid il-Ministru Zammit Lewis, “li Malta għandha kontinwament tkun proattiva u timxi qabel il-kompetituri tagħha. L-irwol tal-media diġitali fil-qasam turistiku aktar ma jmur aktar se jżid l-importanza tiegħu.”
Il-prodott kulturali li toffri Malta huwa wieħed mill-aqwa fid-dinja, xhieda ta’ dan hija s-7000 sena ta’ storja. Dan il-prodott jiddistingwih minn pajjiżi kompettituri oħra. Din in-niċċa partikolari toffri opportunità biex Malta tiġbed lejha turisti matul is-sena kollha.
“Bil-għan li nsaħħu l-prodott turistiku tagħna, ftit tal-jiem ilu waqqaft Kumitat Konsultattiv bit-tema ‘Turiżmu b’Viżjoni, Turiżmu b’Direzzjoni’ magħmul minn rappreżentanti tal-industrija li jkunu jistgħu jikkontribwixxu fl-aġġornament tal-politika ghat-turiżmu li tkopri is-snin bejn l-2012-2016. Ir-reviżjoni tal-politika għat-turiżmu li, se tiġi estiża sal-2020, se tkun segwita minn pjan ta’ implimentazzjoni li se jitmexxa mill-Ministeru għat-Turiżmu”, qal Dr Zammit Lewis.
Il-Ministru tenna l-appoġġ tal-Gvern lejn il-Fondazzjoni Wirt Artna fil-ħidma tagħha kif ukoll tal-kontribuzzjoni tagħha biex jiżdied l-gharfien u jippromwovu l-wirt kulturali tal-gżejjer tagħna. Dan qed jirriżulta fid-dehra ta’ Malta bħala destinazzjoni kulturali b’saħħitha fil-Mediterran grazzi għall-patrimonju storiku li tħaddan.
“Il-potenzjal ta’ Malta għal turiżmu kulturali huwa kbir u flimkien mal-esponenti kollha rridu naħdmu biex Malta tikkonsolida ruħha bħala destinazzjoni kulturali”, temm jgħid il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en