JIBDA L-PROGRAMM TAL-KMS ‘SUMMER ON THE MOVE’
pr141592
14/07/2014
Summer on the Move, il-programm sportiv tal-Kunsill Malti għall-Isport, beda llum b’rekord ta’ ’lfuq minn 3500 parteċipant.
Il-programm qed ikun offrut fil-kumplessi sportivi tal-KMS; dawk tal-Kottonera, Ħal Kirkop u Tal-Qroqq, kif ukoll fl-iskejjel tal-Mosta u tas-Siġġiewi. Huma diversi d-dixxiplini sportivi offruti f’dan il-programm, fejn jibqgħu l-iżjed popolari l-għawm, il-ġinnastika, il-baskitbol u l-futbol. Għal din l-edizzjoni, il-Kunsill Malti għall-Isport ħaseb biex għall-ewwel darba joffri l-programm tal-karting matul il-ġimgħa.
Il-programm Summer on the Move huwa mfassal b’tali mod biex dawk il-ġenituri li jwasslu lit-tfal fid-diversi ċentri, jkunu jistgħu jipparteċipaw f’attività sportiva ddisinjata apposta għalihom. Hemm diversi programmi għall-adulti minn fejn wieħed jista’ jagħżel, li jsiru f’kull ħin tal-ġurnata u fiċ-ċentri kollha. Dawn il-programmi huma popolari ħafna u jvarjaw minn għawm u Zumba għal Tai Chi u ħafna oħrajn.
Din is-sena ġew ukoll reveduti l-prezzijiet biex dejjem ikunu vantaġġjużi, speċjalment għal dawk li jridu jużaw is-servizz il-ġimgħa kollha. Il-programm se jibqa’ għaddej sal-5 ta’ Settembru 2014.
Din hija il-11-il edizzjoni ta’ dan il-programm li fih jistgħu jipparteċipaw tfal, żgħażagħ u adulti minn 4 snin ’il fuq. Għal dan il-programm qed ikunu utilizzati 200 kowċ speċjalizzat li qed jieħdu ħsieb li jagħtu l-attenzjoni meħtieġa lil kull parteċipant. L-għan prinċipali ta’ dan il-programm hu li l-parteċipanti jitħarrġu u jgħixu ħajja aktar sana.
Minħabba din il-parteċipazzjoni qawwija fil-Pixxina Nazzjonali, ħafna mil-lanes qed ikunu meħudin mit-tfal ta’ Summer on the Move, għalhekk il-Kunsill Malti għall-Isport ħaseb biex jestendi s-sigħat għall-membri tiegħu tal-programm 60+. Filfatt issa l-ħin ġie estiż min-nofsinhar sal-4pm biex għalhekk min ikun irid jibbukkja jkollu iżjed flessibiltà. Il-ħinijiet tal-programm 60+ huma bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa mit-8am sal-4pm.
Il-Kunsill Malti għall-Isport dejjem jara kif joffri l-aħjar servizz lill-klijenti tiegħu u dan jixhdu s-suċċess kbir li kellu f’dan l-ewwel jum tal-programm Summer on the Move.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en