STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ NAZZJONALI -MESSAĠĠ FIL-MITEJN ANNIVERSARJU TAL-KORP TAL-PULIZIJA
Fil-mitejn anniversarju mit-twaqqif tal-Korp tal-Pulizija, il-Ministru għall-intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manuel Mallia jsellem lill-membri kollha tal-Korp li wettqu dmirhom fi ħdan dan il-Korp sabiex jiġġieled il-kriminalità f’pajjiżna u jkun ta’ servizz lejn iċ-ċittadini kollha Maltin u Għawdxin.
Il-Gvern għandu pjanijiet fit-tul għal dan il-Korp li minkejja li saru ħafna avvanzi f’dawn ix-xhur, għad baqa’ ħafna xi jsir, u għalhekk l-appell tal-Ministru Manuel Mallia, hu biex kulħadd jiġbed ħabel wieħed. Il-Ministru Manuel Mallia f’din l-okkażjoni mhux ser jaqa’ għal battibekki politiċi, iżda jrid iħares il quddiem u aktar minn konfronti poltiċi, jixtieq jara kunsens nazzjonali biex id-demoralizzazjoni li kienet ilha għaddejja fil-Korp tal-Pulizija , titneħħa u minflokha jidħol entuzjazmu.
Membru fil-Korp tal-Pulizija għandu jkun kburi li jagħmel parti minn dan il-Korp. Il-Gvern iwiegħed li ser ikompli jirristruttura lil dan il-Korp biex ikun wieħed dejjem qrib in-nies. Il-Ministru Mallia qal li f’dawn l-erbatax –il xahar sar ħafna , ħloqna r-Rapid Intervention Unit, bnejna għases ġodda f’lokalitajiet fejn hemm rata għolja ta’ kriminalità u ħloqna strutturi ġodda fi ħdan l-Korp biex isir wieħed modern u effettiv għaż-żminijiet ta’ llum. Iżda fuq kollox għamilna id-dritt tal-Union għall-Korpi Dixxiplinati kollha li kien ilu jiġi imwiegħed żmien, realta’.
F’dan il-jum nawgura li kull membru tal-Korp ikun kuntent fuq il-post tax-xogħol tiegħu bid-drittijiet tiegħu imħarsa. Il-Ministru Manuel Malllia qal li l-gvern ser ikompli jisma’ kif sema’ f’dawn ix-xhur, kemm minn nies li jaħdmu fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, kif ukoll mill-poplu u nies esperti oħrajn, sabiex il-Korp ikompli javvanza.
Il-Minsitru Manuel Mallia jirringrazzja lill-membri kollha tal-Korp tal-ħidma tagħhom u lill-familji tagħhom tal-appoġġ li jtuhom għax jifhem li mhux faċli li fil-mument meta ħafna familji ikunu magħqudin flimkien , ħafna pulizija jkunu fuq il-lant tax-xogħol jaqdu dmirjiethom.
Dan il-jum għandu jkompli jimlina kuraġġ u entużjazżmu għall-futur tal-Korp tal-Pulizija, temm jgħid il-Ministru Manuel Mallia.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en