Left arrow Go Back

MALTA GĦALL-EWWEL DARBA TITLOB LILL-QORTI EWROPEA TAL-ĠUSTIZZJA OPINJONI DWAR IL-VALIDITÀ JEW LE TA’ ĊERTU ASPETTI TAL-KONVENZJONI DWAR IL-MANIPULAZZJONI FL-ISPORT

pr141580
Date Icon 11/07/2014

Aktar kmieni llum is-Segretarju Parlamentari José Herrera ħabbar li Malta għall-ewwel darba talbet lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja opinjoni dwar il-validità jew le ta’ ċertu aspetti tal-Konvenzjoni dwar il-Manipulazzjoni fl-isport. Huwa qal dan wara li fid-9 ta’ Lulju, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa approvaw il-proposti favur din il-Konvenzjoni.

Is-Segretarju Parlamentari qal li Malta, sa mill-bidu nett, qalet li taqbel mal-għanijiet ta’ din il-Konvenzjoni li huma intiżi primarjament biex jikkumbattu l-manipulazzjoni fl-isport. Madanakollu, mill-bidu nett Malta dejjem kellha riservi fuq ċertu dispożizzjonijiet li jmorru lil hinn mill-objettivi u l-iskop tal-Konvenzjoni.

Is-Segretarju Parlamentari spjega x’kienu l-oġġezzjonijiet ta’ Malta fuq din il-konvenzjoni.

Huwa qal li l-konvenzjoni tgħid li l-imħatri llegali fl-isport għandhom jiġu mifhuma bħala dawk l-imħatri li huma meqjusa llegali skont il-liġi tal-pajjiż tal-konsumatur. “Din id-definizzjoni tista’ tagħti lok għall-operaturi liċenzjati f’Malta li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala llegali minn stati oħra minkejja li jkunu liċenzjati u kkontrollati mill-Awtorità tal-Logħob u l-Lotteriji (LGA) skont il-liġi Maltija. Apparti minn hekk id-definizzjoni ta’ mħatri llegali fl-isports (illegal sports betting) ma timmirax speċifikament għal dawk l-operaturi li huma involuti f’każijiet ta’ frodi fl-isport,” sostna is-Segretarju Parlamentari.

Is-Segretarju Parlamentari spjega l-passi li ħadet Malta biex id-definizzjoni kif proposta dwar l-imħatri llegali ma tiġix approvata.  Qal, li fl-istanding committee fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa f’Baku fit-23 ta’ Mejju, kif ukoll f’laqgħat oħrajn Malta ressqet proposti biex fost l-oħrajn tiġi emendata din id-dispożizzjoni.

“Malta ddikjarat dawn ir-riservi tul in-negozjati tal-Konvenzjoni u s-sena l-oħra kitbet lill-Kummissjoni Ewropea f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni Ewropea pparteċipat fin-negozjati u ppruvat tippaċifika l-pożizzjonijiet diversi tal-istati membri. Minkejja dan kollu, id-definizzjoni baqgħet kif inhi”, qal Herrera.

“Għalhekk minħabba f’dawn ir-riservi kollha u l-portata tal-kwistjoni, Malta ddeċidiet li tapplika fil- Qorti tal-Ġustizzja Ewropea għall-opinjoni fit-termini tal-artiklu 218 (11) TFEU. Hawn sabiex tieħu opinjoni dwar jekk l-abbozz tal-Konvenzjoni kontra l-manipulazzjoni tal-isport hija kontra l-prinċipji tas-suq intern tal-Unjoni Ewropea minħabba li din timmira li tirregola l-attivitajiet marbuta mal-logħob tal-azzard,” tenna Herrera. Is-Segretarju Parlamentari José Herrera qal li ġie involut l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u ttieħdu ukoll il-pariri minn diversi esperti legali fis-suġġett.  

Is-Segretarju Parlamentari qal li l-oġġezzjonijiet ta’ Malta huma tlieta:

1. Avolja Malta hi favur l-iskop dikjarat tal-Konvenzjoni fis-sens li din timmira li trażżan il-manipulazzjoni fl-isport u l-match fixing, jidhrilha li d-definizzjoni ta’ illegal sports betting u materjal anċillari mmirati kontra illegal sports betting mhumiex relatati mal-iskop tal-istess konvenzjoni. Fil-fatt, din id-definizzjoni tirrelata esklussivament għal-liċenzjar u regolamentazzjoni tal-operaturi li mhux fl-iskop tal-Konvenzjoni.

2. Malta jidhrilha wkoll li din id-definizzjoni tmur kontra ir-regoli tat-trattat tal-UE fejn dan għandu x’jaqsam maċ-ċaqliq liberu tas-servizzi. Il-kwistjoni tal-legalità tal-industrija tal-logħob għandha tkun relatata mal-prinċipji fundamentali tal-liġi Ewropea senjatament ma’ dak li huwa neċessarju, ġustifikabbli u pproporzjonat. Minħabba f’hekk, stat membru ma jistax jiddikjara tali servizz ta’ gaming bħala llegali sempliċiment abbażi tal-liġi nazzjonali.

3. Finalment, id-definizzjoni in kwistjoni u materji relatati se jarmonizzaw ir-regolamentazzjoni fl-industrija tal-gaming fuq livell Ewropew meta l-istess UE tramite l-istituzzjonijiet tagħha għadha m’għamlet l-ebda regolamentazzjoni simili. Dan jista’ naturalment jimpatta fuq regolamentazzjoni Ewropea futura f’dan is-settur. 

Fil-konferenza tal-aħbarijiet is-Segretarju Parlamentari qal li l-Gvern qed jieħu bis-serjetà ħafna l-industrija tal-gaming f’Malta li matul dawn l-aħħar snin kibret f’waħda mill-akbar industriji tal-pajjiż. “Il-Gvern iħoss li dment li huwa qed jippromwovi din l-industrija b’mod leġittimu u f’qafas legali, trasparenti u regolarizzat se jibqa’ jagħmel dak kollu neċessarju u jmexxi ’l quddiem din l-industrija,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm fost l-oħrajn preżenti ċ-Chairman Eżekuttiv tal-LGA s-Sur Joseph Cuschieri u d-Deputat Avukat Ġenerali Donatella Frendo Dimech.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Inawgurata s-sala rinnovata tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli

PR262042

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

More Press Releases Right arrow