Left arrow Go Back

IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU DR. EDWARD ZAMMIT LEWIS F’LAQGĦAT IMPORTANTI FI FRANKFURT U MUNICH, IL-ĠERMANJA.

pr141564
Date Icon 10/07/2014

Il-Ministru għat-Turiżmu, Edward Zammit Lewis, għadu kif temm żjara uffiċjali fil-Ġermanja. Il-Ministru akkumpanjat mid-delegazzjoni tiegħu għamlu sensiela ta' laqgħat fl-uffiċini tal-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu u tal-Air Malta fi Frankfurt.

 Waqt dawn ż-żjarat il-Ministru Zammit Lewis, iltaqa’ ma’ uffiċjali għolja u ħaddiema li jirrapreżentaw lill-Awtorita' u l-Linja Nazzjonali rispettivament. Waqt il-laqgħat, il-Ministru ddiskuta mill-qrib is-settur tat-Turiżmu fir-reġjuni tal-Ġermanja, Olanda u Benelux, Awstrija, Svizzera, Repubblika Ċeka, Slovakja, Polonja, Ungerija, Russja u pajjiżi Skandinavi. Il-Ministru emfasizza l-importanza għall-ħidma li trid issir biex inkomplu nistabbilizzaw l-istaġonalita' fis-settur u anke li nħarsu lejn prodott turistiku ta' kwalita' aktar għolja. Dan fid-dawl tal-proċess imniedi mill-istess Ministeru il-ġimgħa l-oħra, dik tat-Tourism Policy. Il-laqgħat żvolġew fuq prodotti li ser inkunu qegħdin noffru bħala destinazzjoni fix-xhur tax-xitwa.

 Fl-Uffiċini tal-Air Malta ġewwa Frankfurt il-Ministru kellu l-opportunita' jiltaqa' mas-Sur Martin Frendo li huwa l-kap tal-Uffiċċju Rappreżentattiv tal-Air Malta u mal- ħaddiema li jaħdmu fl-istess uffiċċju.  Is-Sur Frendo spjega lil Ministru dwar l-operat ta’ l-Air Malta fil-Ġermanja għal kontribut tal-ekonomija tal-pajjiż, partikolarment għas-settur turistiku, minn fejn kull sena l-Linja Nazzjonali ġġorr madwar 100,000 passiġier lejn Malta.

 Fil-Ġermanja il-Ministru Edward Zammit Lewis, attenda għal laqgħat kummerċjali fi Munich ma’ operaturi turistiċi li joperaw lejn u minn Malta. Fi Munich il-Ministru għat-Turiżmu għamel żjara fil-Kwartieri Ġenerali ta' wieħed mill-akbar operaturi li joperaw lejn Malta, il-Grupp FTI.  Id-delegazzjoni Maltija kienet milqugħa mis-Sur Dietmar Gunz, Direttur Maniġerjali u Kap Eżekuttiv tal-Grupp, fejn dawruhom u spjegawlhom l-operat fil-kumpless tal-grupp. Bħala waħda mill-aktar għodod importanti li juża l-Grupp FTI biex jippromwovi d-destinazzjonijiet li joperaw fihom bħal dik ta' Malta, il-kumpanija għamlet investiment qawwi f'faċilitajiet ta' stazzjon tat-televiżjoni in-house, li jxandar via sattelita kif ukoll online. Huma għadhom kif lestew sett ta' studio ġdid għal trasmissjonijiet propju dedikati għad-destinazzjoni Maltija. Wara ż-żewġ naħat iddiskutew proġetti li l-grupp qiegħed jippjana għas-snin li ġejjin, fosthom biex jiżdiedu n-numru ta' turisti li jiġu jżuruna fix-xhur tax-xitwa. Il-Ministru Edward Zammit Lewis wera s-sodisfazzjon għall-ħidma u l-pjanijiet li għandha l-kumpanija għal prodott turistiku Malti.

Għal dawn il-laqgħat, il-Ministru ghat-Turiżmu kien akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu is-Sur Josef Formosa Gauci, is-Sur Joseph Galea Direttur tal-Marketing għas-Swieq Internazzjonali u uffiċjali għolja mill-Ministeru għat-Turiżmu.

 Il-Ministru flimkien mad-delegazzjoni ħallew il-Ġermanja fi triqithom lejn Londra għall-laqgħat oħra relatati mas-settur turistiku.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Inawgurata s-sala rinnovata tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli

PR262042

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

More Press Releases Right arrow