TITNIEDA L-INIZJATTIVA YOUTHS #DECIDE #ACT
Il-Palazz Dorell fil-Gudja kien l-isfond ta’ konferenza tal-aħbarijiet li saret illum biex titnieda l-inizjattiva YOUths #Decide #Act. Din l-inizjattiva ttieħdet mill-Kunsill Lokali tal-Gudja u l-Ambaxxatriċi taż-Żgħażagħ fil-Kunsill Melanie Bugeja.
L-iskop ta' din l-inizjattiva hu, li l-Kunsill Lokali tal-Gudja jinvolvi aktar liż-żgħażagħ fil-ħidma tiegħu, iqajjem fihom sens ċiviku akbar, u jħeġġiġhom jagħtu sehemhom fil-komunità biex ikunu l-mexxejja ta’ għada. Dan qed isir ukoll bi preparazzjoni għal vot 16, bidla li se tara żgħażagħ ta' 16-il sena jivvutaw għall-ewwel darba fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.
Waqt id-diskors tal-Ambaxxatriċi Melanie Bugeja u l-kunsillier Mark Anthony Sammut ingħataw dettalji dwar l-attivitajiet li ser ikunu organizzati sabiex aktar żgħażagħ jersqu lejn il-kunsill lokali. Fil-fatt l-ewwel attività ser tkun waħda sportiva l-Ġimgħa 11 ta’ Lulju fl-iskola Primarja tal-Gudja fejn ser isir logħob tal-volleyball, handball u basketball u ser issir attività ta’ abseiling.
Fl-indirizz tiegħu s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, ż-Żgħażagħ u l-Isport, Chris Agius saħaq fuq l-importanza li nagħtu spazju liż-żgħażagħ speċjalment fejn tidħol tmexxija tal-lokalitajiet għaliex dawn għandhom bżonn li jitrawmu sabiex ikunu l-mexxejja ta’ għada. Huwa enfasizza fuq id-dmir li tivvota speċjalment li issa ż-żgħażagħ ser ikollhom l-opportunità li jivvutaw ta’ età iżgħar. Madanakollu saħaq li huwa importanti li tivvota u tieħu sehem fis-sistema demokratika tal-pajjiż, però trid ukoll taġixxi fil-komunita’ għaliex inutli jsiru ħafna deċiżjonijiet imbagħad ħadd ma jattwahom.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet tkellem ukoll is-Sindku tal-Gudja John Mary Calleja u l-kelliema tal-Oppozizzjoni Robert Cutajar u David Aġius.
Aktar informazzjoni dwar din l-inizjattiva tinstab fuq il-paġna ta’ facebook YOUths Decide Act.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en