STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA U S-SOLIDARJETA’ SOĊJALI
Waqt li kien qed jindirizza attivita’ fiċ-Ċentru ‘Aċċess’ tal-Qawra il-Ħamis filgħodu, il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjeta’ Soċjali qal illi ċ-ċavetta biex wieħed ikun jista’ jtejjeb is-sitwazzjoni tiegħu hija l-edukazzjoni. Il-Ministru Farrugia qal dan waqt li kien qed jipprezenta ċ-ċertifkat ta’ partecipazzjoni lil 178 student li ħadu sehem fil-korsijiet ta’ taħriġ offruti mid-Direttorat tal-‘Lifelong Learning’ flimkien maċ-Ċentru Aċċess tal-Qawra.
Il-Ministru Farrugia qal illi permezz tad-dinamiżmu taċ-Ċentru Aċċess ġiet iffaċilitata proċess fejn entitajiet differenti setgħu jirreferu diversi persuni għall-programmi ta’ taħriġ. Dan wassal biex iċ-Ċentru Aċċess tal-Qawra xpruna sinerġija biex ikun jista’ jipprovdi servizz ħolistiku.
Huwa qal illi dan l-impenn kompla għaddej anke matul dawn ix-xhur li għaddew u fil-fatt illum tnedew 30 kors fi 28 suġġett differenti li ser ikunu qed jiġu offruti fiċ-Ċentru Aċċess tal-Qawra. Din iż-żieda fil-korsijiet saret wara li l-management ta’ dan iċ-ċentru kkonsulta ma’ numru ta’ entitajiet, professjonisti kif ukoll ma’ residenti biex jiġu identifikati l-interessi li jeżistu fit-tahriġ.
Fost l-inizjattivi li saru kien hemm l-outreach li sar mill-persuni tad-Direttorat tal-Lifelong Learning. Il-Ministru Farrugia spjega li huwa dmir ta’ dan il-Gvern sabiex jidentifika fejn hemm bzonn it-taħriġ ħalli jkun jista’ joffrieħ bl-aħjar mod possibli. Fil-fatt, zied jgħid il-Ministru Farrugia, l-impenn li qed jieħu ċ-Ċentru Aċċess u d-Direttorat tal-Lifelong Learning illum biex jipprovdu servizz ta’ advisory mal-pubbliku huwa turija tad-disponibilta’ li l-entitajiet qed juru biex jassistu lill-pubbliku biex isaħħaħ l-abiltajiet tiegħu.
Michael Farrugia qalli illi l-gvern ser jkompli jsaħħaħ dawn iċ-ċentri permezz ta’ inizjattivi varji li huma ppjanati li jsiru fix-xhur li ġejjin. Semma’ wkoll li se jsir investiment permezz tal-proġett ‘Leap’ biex iċ-ċentri Aċċess ikunu jistgħu ikomplu l-ħidma siewja tagħhom fuq firxa akbar ta’ lokalitajiet.
Il-Ministru Farrugia temm jgħid illi il-mira hija li ħadd ma’ jibqa’ lura u għaldaqstant irridu nkunu kapaċi napprezzaw it-tajjeb li għandna filwaqt li jkollna l-kuraġġ li nindirizzaw l-isfidi li jeżistu fis-settur. Huwa għalhekk li ser tkompli ssir l-evaluwazzjoni dwar il-mod ta’ kif qed jiġu mplimentati s-servizzi minn dawn iċ-ċentri biex b’hekk jittieħdu aktar decizjonijiet li jwasslu biex ikun hawn aktar opportunitajiet u effiċċjenza.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en