STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DRITTIJIET TAL-PERSUNI B’DIŻABILITÀ U ANZJANITÀ ATTIVA
L-Oppożizzjoni għażlet li tkun negattiva anke fuq proġett li ser itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani u tal-ħaddiema li jaħdmu ta’ kuljum fil-kċina tar-Residenza San Vinċenz de Paule.
L-Oppożizzjoni qed tinsa li, meta kienet fil-Gvern, għamlet l-aħħar xogħol ta’ moderniżżar f’din il-kċina kważi għoxrin sena ilu u dan skont plakka li hemm imwaħħla fil-post. Issa l-istess Oppożizzjoni qed tikkritika lil din l-amministrazzjoni talli, fi ħmistax-il xahar, ħadet id-deċiżjoni li tinbena kċina kompletament ġdida.
L-istat ta’ telqa u abbandun fil-kċina ta’ San Vinċenz kien biss frott ta’ amministrazzjonijiet preċedenti li qatt ma kienu kapaċi jieħdu l-passi li hemm bżonn. Dan in-nuqqas huwa kkonfermat minn rapport professjonali tal-Istitut tal-Istudji Turistiċi dwar din il-kċina li jirreferi għal snin twal ta’ negliġenza (“decades of neglect”). Fil-fatt il-ħaddiema ta’ San Vinċenz jiftakru kemm kienu ilhom jisimgħu li l-kċina se tingħalaq abbażi ta’ perikli għas-saħħa iżda baqa’ qatt ma sar xejn.
B’differenza, dan il-Gvern qiegħed kontinwament iwettaq il-wegħda elettorali tiegħu li jtejjeb is-servizzi u l-infrastruttura għall-anzjani billi mbarka fuq diversi proġetti fir-residenza fosthom rinovar ta’ swali u faċilitajiet oħra.
Il-menu tal-ikel imniedi mis-Segretarjat Parlamentari ftit tax-xhur ilu kien ukoll qabża fil-kwalità għar-residenti f’San Vinċenz u għalhekk dan se jibqa’ operattiv anke waqt ix-short term contract ta’ sitt xhur li ngħata b'mod temporanju, wara approvazzjoni mill-kumitat ġenerali tal-kuntratti, sakemm jiġi proċessat it-tender relattiv li se jwassal għat-twettiq tal-proġett tal-kċina ġdida li jixraq lill-anzjani u lill-ħaddiema.
Dan il-proċess ġie deċiż b’diskussjonijiet mal-unions u tħabbar fil-preżenza tal-ħaddiema ikkonċernati li ngħataw assigurazzjoni li ħadd m’hu se jitlef xogħolu. Dawn kellhom rispons pożittiv għall-proġett li mill-iktar fis possibli se jirranġa l-kundizzjonijiet ħżiena li kienu qed jaħdmu fihom għal tant snin.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en