It-Tnedija ta’ l-Abbozz ta’ L-istrateĠija Nazzjonali tal-KummerĊ Elettroniku – Diskors minn Dr. Jose’ Herrera, Segretarju Parlamentari gĦall-Kompetittivita’ u tkabbir ekonomiku – 10 ta’ Lulju 2014
Bi pjaċir qiegħed nippreżenta l-abbozz ta’ l-Istrateġija Nazzjonali tal-Kummerc Elettroniku għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020.
Din l-istrateġija ser twassal għal numru ta’ inizzjattivi li l-Gvern qed jipproponi li jwettaq flimkien ma l-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (l-MCA) u partijiet oħra interessati matul is-seba’ snin li ġejjin. L-għanijiet prinċipali ta’ din l-istrateġija huma li jmexxu l-quddiem l-użu tal-kummerċ elettroniku min-negozji Maltin u li jinkoraġġixxu intrapriżi relatati ma’ l-eCommerce sabiex jistabilixxu l-kummerċ tagħhom f’Malta.
Illum il-bejgħ permezz tal-internet qed jiżdied b’rata medja ta’ aktar minn 18% fis-sena – figura impressjonati meta nqisu li n-negozju permezz ta’ mezzi oħra qiegħed jikber biss b’1.3% fis-sena. Kważi nofs il-Maltin qegħdin jixtru permezz tal-internet u kif semma l-Prim Ministru fid-diskors tiegħu nhar il-Ħamis, in-nefqa minn fuq siti elettroniċi is-sena l-oħra, bbażata fuq l-użu ta’ Paypal, tammonta għal €66 miljun. Żieda impressjonanti meta tqis illi fl-2009 din kienet tammonta għal ftit inqas minn €33 miljun. Dawn l-istatistici huma xiehda ta’ kemm hu attrajenti ix-xiri min fuq l-internet. Il-ħasra hi li ammont verament żgħir ta’ Maltin jixtru minn siti lokali.
Dan il-fatt żgur li ma jissorprendi lil ħadd, l-anqas ma’ hi ta’ sorpriża li naraw li 12% biss tal-intraprizi f’Malta ibiegħu permezz ta’ l-internet. Nafu li l-industrija lokali tiffaċja sfidi partikolari għal pajjizna fosthom id-daqs tas-suq lokali.
Il-konsegwenzi ta’ sitwazzjoni bħal din għandhom ikunu ovvji għal kulħadd. M’għandniex il-lussu li nistennew sabiex nilqgħu din l-isfida. Jekk ma nieħdux passi mil-lum, m’għandix dubju li jkun tard wisq.
Għaldaqstant, nitħasseb ferm meta nara li studju li għamlet l-Awtorita’ dwar il-Komunikazzjoni juri li 61% tal-kummerċjanti Maltin qalu li ma jbiegħux fuq l-internet għax il-prodott tagħhom mhux idonju għal dan is-suq. Ma’ dan kollu, jekk wieħed jidħol fuq l-internet isib jixtri kull xorta ta’ prodotti u servizzi. Ma nistawx ma nieħdux passi meta naraw li l-maġġoranza ta’ siti Maltin mhux talli ma joffrux il-faċilita’ biex wieħed jixtri direttament minn fuq is-sit, lanqas biss joffru katalogu tal–prodotti għall-bejgħ u wisq anqas il-prezzijiet tagħhom.
Naf illi din hija realtà li qed jiffaċċjaw il-maġġoranza tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u dan jikkonferma li din mhix xi sfida li nistgħu nindirizzaw bi ftit miżuri l-hemm u l-hawn.
Din hija sfida li tenħtieġ strateġija ambizjuża u fit-tul, li titfassal f’kuntest wiesa’ fil-waqt li tibni fuq numru ta’ miżuri konkreti li kollha jikkontribwixxu għal miri speċifiċi. Għaldaqstant, din l-istrateġija tqis li tindirizza l-miri li ġew identifikati fl-istrateġija nazzjonali diġitali li l-Prim Ministru nieda xi xhur ilu.
l-ewwelnett, bla ebda dubju, kull negozju irid iqis b’reqqa kbira kif tolqtu din ir-realtà, u jittrasforma ruħu sabiex jilqà għalija. Għalhekk din l-istrateġija tipproponi numru ta’ miżuri maħsuba biex jgħinu l-intrapriżi jgħaddu minn din il-bidla. Dan mhux b’kapriċċ iżda għax b’hekk biss l-intrapriżi tal-lum jistgħu jassiguraw li ser ikunu għadhom joperaw għada.
Din l-istrateġija tmur lil hinn minn hekk u taħseb ukoll għal miżuri li jgħinu lil dawk l-intrapriżi ġodda li qed jiġu stabilliti biex joperaw direttament f’dan il-qasam. Taħseb ukoll f’dawk is-setturi li għandhom potenzjal li jiggwadanjaw u jikbru permezz tal-kummerċ elettroniku.
Riċentament wessajna ir-rwol ta’ l-Awtorità dwar il-Komunikazzjoni sabiex tkun tista’ tieħu passi biex tiżviluppa dawk is-setturi li jaqgħu taħt ir-responsabbilita’ tagħha, fosthom dak tal-kummerc elettroniku. B’konsegwenza tà dan, l-Awtorità setgħet mill-ewwel tibda l-ħidma tagħha u b’kollaborazzjoni mal-Kunsill tas-Snajjà, dalwaqt se tkun qiegħda tikkummisjona studju li se jkun intenzjonat biex jiżviluppa pjan speċifiku ta’ azzjoni relatat mal-kummerċ elettroniku, għal din l-industrija. Barra minn hekk, l-Awtorità qiegħda taħdem ukoll flimkien ma’ l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, u l-Malta Enterprise sabiex jitfaslu pjanijiet ta’ azzjoni speċifikament għal dan is-settur.
Kif diġa għedt, permezz ta’ din l-istrateġija, aħna rridu nipprovdu n-negozjanti bir-riżorsi neċessarji sabiex dawn ikunu jistgħu jikkapitalizzaw mill-opportunitajiet li jġib miegħu il-kummerċ elettroniku. Irridu ukoll nassistu lil dawk l-industriji fejn l-eCommerce jippreżenta opportunità reali għall-żvilupp u espansjoni.
Biex nilħqu dan l-oġġettiv, l-għajnuna tal-partijiet interessati hija neċessarja. Kif tafu, fil-bidu ta’ dan l-eżerċizzju, saru l-ewwel laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati. F’dan il-punt, nixtieq nieħu l-opportunità sabiex nirringrazzja lil dawk kollha li diġa taw il-kontribut tagħhom. Dan kien il-bażi li fuqu ġiet fformulata din l-istrateġija. Issa f’din it-tieni fażi ta’ konsultazzjoni, qiegħed nistedinkhom sabiex twasslulna l-opinjonijiet tagħkom dwar dan l-abbozz, filwaqt li nitlobkhom sabiex tkomplu tipparteċipaw bis-sħiħ f’dan l-eżerċizzju importanti.
Nagħlaq billi nirringrazzja lill-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni għax-xogħol li sar sabiex titfassal din l-istrateġija, u mill-ġdid, nirringrazzja lilkhom kollha għall-għajnuna kostruttiva li tajtu u li jien ċert li se tkomplu tagħtu. Il-mira tiegħi hi li mhux aktar tard minn Settembru nippublikaw l-istrateġija finali, u nissoktaw bis-sħih bl-implementazzjoni tagħha.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en