IL-MINISTRU GĦALL-AFFARIJIET BARRRANIN DR.GEORGE VELLA JINDIRIZZA L-AMBAXXATURI MALTIN B’RAPPREŻENTANZA PERMANENTI BARRA L-PAJJIŻ
Waqt il-laqgħa annwali mal-Ambaxxaturi Maltin b’rappreżentanza permanenti barra l-pajjiż, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Dr.George Vella qal li fl-aħħar sena, l-ambaxxaturi Maltin qed jagħmlu xogħol tajjeb ħafna, b’uħud minnhom anka jwettqu ħidma diplomatika f’pajjiżi ta’ periklu, bħal ma huwa fil-Libja.
Il-Ministru Vella qal li l-qofol tal-ħidma diplomatika tal-ambaxxaturi li għandna barra l-pajjiż huwa dak li jippromwovu lil Malta, liema ħidma m’għandhiex tkun diffiċli minħabba l-fatt li minkejja li mdawwra minn reġjun ta’ kunflitt u sfidi ekonomiċi, Malta baqgħet b’saħħitha, u stabbli ekonomikament u politikament.
Waqt li indirizza lill-ambaxxaturi Dr.Vella għaraf li l-ambaxxaturi għandhom riżorsi limitati, iżda saħaq li hemm ambaxxaturi li mil-limitazzjonijiet allokati għar-rappreżentanza permanenti tagħhom barra l-pajjiż, qed jirnexxielhom iġibu proġetti u investimenti lejn pajjiżna. Il-Ministru Vella qal li mhux kull ambaxxatur għandu ambjent faċli li fih jista’ jwettaq il-ħidma diplomatika tiegħu, iżda sostna li x-xogħol ta’ ambaxxatur mhuwiex li joqgħod f’uffiċċju, iżda li jagħmel il-kuntatti neċessarji biex jiġġenera interess u jġib ġid lejn pajjiżna.
Fl-indirizz tiegħu l-Ministru Vella ta rendikont tas-sitwazzjoni tar-relazzjonijiet li għandha Malta mal-pajjiżi, fosthom ir-relazzjonijiet eċċellenti mal-Istati Uniti li wasslu għat-twaqqif f’Malta tal-Istitut Internazzjonali tal-Ġustizzja u tal-Liġi tad-Dritt, u r-relazzjonijiet eċċellenti mal-pajjiżi Ewropej. Dr.Vella semma’ wkoll is-sitwazzjoni tal-Libja, fejn saħaq li xogħol Malta huwa dak li jgħin lil dan il-pajjiż isaħħaħ il-kontroll tal-fruntieri tal-Libja u biex jitwaqqfu l-istituzzjonijiet bażiċi li jsaħħu d-demokrazija.
Semma’ wkoll is-sitwazzjoni tal-Ukrajna, liema suġġett huwa fuq nett tal-aġenda tal-Unjoni Ewropea. Dr.Vella irrimarka wkoll il-pressjoni li għamlet Malta fuq l-OSCE, biex din tieħu azzjoni konkreta għal dak li qed jiġri fl-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani. Il-Ministru saħaq li l-Gvern Malti jemmen li hemm bżonn li l-organizazzjonijiet internazzjonali għandhom jinvolvu ruħhom b’mod sħiħ biex tinstab soluzzjoni paċifika, u biex titrażżan kull forma ta’ vjolenza, tiġi minn fejn tiġi.
Il-Ministru rrefera wkoll għar-relazzjonijiet eċċellenti maċ-Ċina fosthom bl-aħħar ftehim li sar din il-ġimgħa mal-Gvern Malti. Il-Ministru rrefera wkoll għall-kooperazzjoni li teżisti bejn Malta u l-Federazzjoni Russa, u awgura li r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja jitjiebu.
Il-konferenza mal-ambaxxaturi ttrattat l-aħħar informazzjoni fuq il-Presidenza ta’ Malta tal-Unjoni Ewropea fis-sena 2017, u s-summit tac-CHOGM li se jiġi organizzat f’Malta s-sena d-dieħla.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en