MALTA FAVUR TISĦIĦ TAL-PROTEZZJONI TAD-DATA TAL-INDIVIDWU
Il-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali Owen Bonnici sostna li l-Gvern Malti huwa favur Regolament ġdid dwar il-protezzjoni tad-data tal-individwu li għandu jkopri mhux biss is-settur privat imma anke s-settur pubbliku.
Hu u jattendi laqgħa tal-Ministri tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’Milan, l-Italja, Dr Bonnici saħaq li l-protezzjoni tad-data taċ-ċittadini għandha tibqa’ element ewlieni fid-diskussjonijiet li qed isiru bħalissa fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fi Brussell dwar dan ir-Regolament il-ġdid.
Il-Ministru Bonnici saħaq li sabiex id-drittijiet taċ-ċittadini jkunu verament protetti, id-dritt tal-protezzjoni tad-data taċ-ċittadini m’għandux japplika biss għas-settur privat imma għandu japplika wkoll għas-settur pubbliku u allura għall-amministrazzjoni.
Il-Ministru Bonnici qal li d-dritt tal-protezzjoni tad-data personali jissalvagwardja liċ-ċittadin miċ-ċirkulazzjoni inkorretta tad-data personali tagħhom. Din tikkomprendi ċerta informazzjoni bħall-isem, l-indirizzi tal-individwu kkonċernat u dettalji oħra tal-bank fost l-oħrajn.
Il-Ministri tkellmu wkoll fuq il-Prosekutur Pubbliku Ewropew u fuq jekk il-miżuri u l-azzjonijiet meħuda minn dan l-Uffiċċju għandhomx ikunu soġġetti għal reviżjoni u kontroll ġudizzjarju. Il-Ministru Bonnici saħaq fuq il-fatt li kull azzjoni meħuda minn dan l-Uffiċċju għandha tiġi soġġetta għal reviżjoni ġudizzjarja sabiex id-dritt tal-proċess ġust jiġi ssalvagwardjat għal kulħadd.
Matul il-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja ġiet diskussa wkoll proposta dwar Regolament ġdid fuq iċ-ċirkulazzjoni ħielsa ta’ dokumenti pubbliċi. Il-Ministru Bonnici ikkonferma l-impenn ta’ Malta favur dan ir-Regolament u saħaq fuq il-fatt li ċ-ċirkulazzjoni ħielsa ta’ dokumenti pubbliċi tgħin kemm liċ-ċittadini kif wkoll lill-intrapriżi żgħar u kbar. Madakollu l-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali qal li dan m’għandux iħalli lok għall-frodi ta’ dawn id-dokumenti.
Dr Bonnici pparteċipa wkoll f'laqgħa informali (working lunch) fejn ġie diskuss il-futur tal-ħidma tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-Ġustizzja kemm fil-kamp ċivili u kemm fil-kamp kriminali.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en