STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA U SOLIDARJETÀ SOĊJALI
Gvern li jaħseb f’kulħadd mhux se jinsa lir-Romol
Waqt konferenza tal-aħbarijiet l-Erbgħa waranofsinhar, il-Ministru Michael Farrugia ħabbar simplifikar fil-Pensjoni tar-Romol. Huwa qal illi wegħdna Soċjetà Ġusta, u għalhekk f’kull ħaġa li nwettqu qed naraw li kulħadd igawdi mill-ġid li jinħoloq u jgawdi wkoll mill-istess ħidma tagħna ta’ kuljum. Michael Farrugia qal illi llum nistgħu ngħidu b’wiċċna minn quddiem li ż-żewġ wegħdi elettorali b’risq ir-romol diġà wettaqniehom.
Dr Farrugia qal li sar kif kien imwiegħed, jiġifieri, il-Pensjoni tar-Romol tingħata mingħajr tnaqqis lir-Romol kollha li jkunu jaħdmu, mingħajr eċċezzjoni. Dak li ridna nfissru b’ġustizzja soċjali – għaliex b’hekk inċentivajna aktar Romol jagħtu sehemhom fid-dinja tax-xogħol, ikunu produttivi kif ukoll itejbu d-dħul tagħhom u tal-familji.
Il-Ministru Farrugia tkellem ukoll dwar it-twettiq tal-wegħda li neżentaw mill-ħlas tal-kontribuzzjoni lil dawk l-anzjani li jibqgħu jgħixu f’darhom u jkollhom carer impjegat magħhom. Dan għaliex l-anzjani kienu jitqiesu bħala employers. Bħalissa qed isir aktar xogħol f’dan il-qasam għaliex hija x-xewqa tagħna li naraw l-anzjani jibqgħu jgħixu fl-ambjent ta’ darhom filwaqt li nagħtu opportunità lil qrabathom biex ikomplu jaħdmu u mhux jitilqu mix-xogħol biex jieħdu ħsiebhom.
Dr Michael Farrugia qal li s’issa, armel jew armla kellhom jagħmlu talba formali apposta biex jirċievu l-Pensjoni tar-Romol.
Sal-lum, persuna li tkun għadha kemm tilfet persuna għażiża li tkun għexet magħha għal numru ta’ snin, kien ikollha tgħaddi mill-martirju li tiġbor iċ-ċertifikat tal-mewt u tmur tapplika fl-Uffiċċju Distrettwali; biex imbagħad tiġi ipproċessata fid-Dipartiment tal-Belt Valletta.
Mil-lum ’il quddiem, armel jew armla se jirċievu ittra u jmorru biss fl-Uffiċċju Distrettwali biex jagħtu l-informazzjoni meħtieġa ħalli tinħadem il-pensjoni.
Iżda f’każ li l-konjugu li jkun ħalliena jkun diġà pensjonant, l-armel jew l-armla jirċievu ittra fejn jintalbu jagħtu biss l-IBAN tal-kont tal-Bank biex jirċievu l-pensjoni direttament f’dak il-kont.
Kemm-il darba l-konjugu li ħalliena ma jkunx jirċievi pensjoni, il-persuna, permezz ta’ ittra, tintalab biss dettalji jew dokumenti meħtieġa għall-ipproċessar tal-pensjoni.
F’ċirkustanza fejn il-konjugu jkollu kontribuzzjonijiet nieqsa għax ikun ħadem barra minn Malta, jintalbu d-dettalji sabiex titranġa s-sitwazzjoni.
F’każi fejn il-konjugu li ħalliena ma jkunx ħallas kontribuzzjonijiet biżżejjed, jinbeda l-proċess biex tingħata l-Pensjoni mhux Kontributorja tal-Età.
Kemm-il darba l-persuna li tormol tmur jew ma tmurx fl-Uffiċċju Distrettwali, din xorta tirċievi ittra ta’ avviż biex tapplika għall-Pensjoni tar-Romol u hekk jibda l-proċess li semmejna.
Michael Farrugia qal li din il-ħidma b’risq is-soċjetà Maltija biex naraw Soċjetà Ġusta se titkompla. Dan hu proċess kontinwu bbażat fuq is-solidarjetà soċjali għax nemmnu bis-sħiħ li kull min jiflaħ għandu jikkontribwixxi filwaqt li nwieżnu lil dawk kollha li jaqgħu lura u jistgħu jħossuhom esklużi.
Il-Ministru Farrugia qal li fil-qasam tas-Simplifikazzjoni qed naħdmu biex sal-aħħar tas-sena indaħħlu tliet inizjattivi ġodda.
Michael Farrugia temm jgħid illi kif kien imwiegħed fil-Manifest Elettorali, qed nagħmluha aktar faċli għal min ħaqqu, permezz tat-tnaqqis fil-burokrazija, servizz aħjar u aktar ħolistiku bil-pjanijiet li għandna tal-One Stop Shop fil-bliet u l-irħula tagħna, kif ukoll servizz li jingħata b’mod dinjituż, xieraq u fil-pront bħalma għamilna fil-każ tal-benefiċċju tal-enerġija.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en