Left arrow Go Back

FIL-JIEM LI ĠEJJIN SEJRIN ISIRU TAĦDIDIET BEJN IL-GVERN, IL-KUNSILLI LOKALI U L-OPERATURI TAL-ISKEMI BI TĦEJJIJA GĦALL-PROĠETT PILOTA DWAR BORŻA ĠDIDA GĦALL-ĠBIR TAL-ISKART

pr141457
Date Icon 28/06/2014

Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat, u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo fl-okkażjoni tal-Local Council Awards 2014 organizzati mill-GreenPak Coop

Il-Ministru Leo Brincat ħabbar li fil-jiem li ġejjin sejrin isiru taħdidiet bejn il-Gvern, il-Kunsilli Lokali u l-Operaturi tal-Iskemi bi tħejjija għall-introduzzjoni ppjanata sew ta’ proġett pilota dwar  borża ġdida għall-ġbir tal-iskart. Dan bil-għan li tiġi indirizzata waħda mill-problemi ewlenin li għandu l-pajjiż fil-qasam tal-iskart bħalissa.

Il-bżonn ta’ separazzjoni aħjar tal-iskart fis-sors minn fejn joriġina. Iżda ħaġa naturali li qabel nippjanaw l-introduzzjoni ta’ borża ġdida rridu niżguraw illi fejn sal-lum kienu qegħdin jingħataw it-tieni borża b’xejn lir-residenti, fuq bażi volontarju, dan għandu jibqa’ jsir b’mod regolari għaliex dan in-nuqqas żgur ma jinċentivax il-pubbliku biex jisseparaw l-iskart.

Huwa qal dan meta kien qed jindirizza l-Local Council Awards 2014 tal-GreenPak Coop fl-uffiċini tal-Koperattivi, f’Ħal-Qormi.

Il-Ministru Brincat qal li biex dan jirnexxi hemm bżonn tħejjijiet serji u meqjusa kif ukoll impenn mill-istakeholders kollha – mill-Gvern Ċentrali saċ-ċittadini nfushom.

Huwa tenna li pjani bħal dawn żgur ma jirnexxux jekk ma jkunx hemm sehem pro-attiv u rwol integrali kemm għall-Kunsilli Lokali f’dan il-proċess kif ukoll għall-operaturi tal-iskemi.

Huwa qal li din hija problema li ilha tintefa bħat-trab taħt it-tapit.

Iżda l-Gvern jemmen li issa wasal iż-żmien li nibdew nindirizzaw din l-issue bis-serjetà u bl-impenn li jixirqilha, ħalli meta jibda jopera l-impjant il-ġdid tal-Għallis magħruf bħala l-Malta North is-separazzjoni tal-iskart ikun laħaq livelli ferm ogħla milli laħaq sal-lum.

Il-Ministru Brincat saħaq li ma nistgħux naċċettaw attitudni ta’ business as usual mill-istakeholders f’dan ir-rigward jew xi reżistenza għall-bidla. Iżda min-naħa l-oħra xejn ma għandu jsir bl-impożizzjoni, iżda biss wara konsultazzjoni wiesgħa u xierqa.

Il-Ministru Brincat tenna li l-istess jgħodd għal sistema aktar organizzata u effettiva dwar il-ġbir tal-iskart mill-entitajiet u azjendi kummerċjali għaliex sal-lum għad hemm ħafna operaturi fosthom outlets tal-ikel li ma għandhomx il-kolletturi tal-iskart tagħhom kif titlob minnhom il-liġi.

Filwaqt li faħħar lill-GreenPak għall-impenn tagħhom matul is-snin, il-Ministru Brincat qal li l-operaturi tal-iskemi qed jaqdu funzjoni importanti fil-pajjiż għaliex apparti milli jdaħħlu u jħaddmu l-element ta’ producer responsibility qegħdin jagħmlu dan fuq diversi livelli permezz ta’ programmi edukattivi u ħidma intensiva fuq tliet livelli:
• Dak tal-attivitajiet fl-iskejjel,
• Dak fost il-komunità,
• Kif ukoll permezz tas-sehem tagħhom ma’ u fl-industrija.
Il-fatt li din l-organizazzjoni llum qed topera bħala Koperattiva jsaħħaħ l-impenn tal-membri tagħha biex igawdu mis-suċċessi li tista’ tikseb l-istess Koperattiva b’riżultat ta’ ħidmietha.

Fuq livell internazzjonali s-sehem tal-Greenpak Coop fi ħdan l-organizazzjoni Ewropea Proeurope Packaging Recovery Organisation, li ilha mwaqqfa bħala organizazzjoni fil-qasam tal-packaging waste recovery kważi għoxrin sena, huwa ta’ awgurju tajjeb biex din l-Koperattiva tkun f’qagħda li żżomm ruħha dejjem aġġornata dwar l-aħħar żviluppi fil-qasam tal-immaniġġar tal-iskart, qasam fejn id-dinamika tiegħu tinsab qed tinbidel il-ħin kollu.

Il-Ministru Brincat qal li diġà bdew taħdidiet bejn il-Ministeru tiegħu u s-Segretarjat Parlamentari għall-Kunsilli Lokali li  mistennija jintensifikaw fil-ġimgħat li ġejjin ħalli tiġi miflija bir-reqqa kif ir-relazzjoni tal-Kunsilli Lokali mal-WasteServ innifisha tista’ tissaħħaħ u tinbidel f’waħda  ta’ win win u aktar ġusta, xierqa u sostenibbli għaż-żewġ naħat.

Bħala Ministru responsabbli mill-WasteServ, il-Ministru Brincat qal li jieħu gost jinnota li għall-ewwel darba Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali ħa l-interess li jżur il-kumpanija WasteServ ħalli mhux biss jiltaqa’ mal-uffiċjali ewlenin tagħha imma wkoll sabiex jiffamiljarizza ruħu mal-problema bejn il-WasteServ u l-Kunsilli Lokali li hemm bżonn jiġu indirizzati għal ġid ta’ kullħadd. Huwa tenna li se jimpenjaw ruħhom biex dan isseħħ.

Il-Ministru radd ħajr kemm lill-GreenPak, lis-Segretarjat Parlamentari tal-Kunsilli Lokali u lir-rappreżentanti tal-istess Kunsilli għas-sehem li qed jagħtu flimkien ma’ stakeholders oħrajn, fi ħdan lis-Stakeholders Group li waqqaf aktar kmieni din is-sena.

Il-Ministru Brincat temm jgħid li bis-sehem tagħhom dawn kollha qegħdin jgħinu direttament fl-implimentazzjoni tal-pjani tal-Gvern fil-qasam tal-immaniġġar tal-iskart. Huwa radd ħajr lill-kulħadd inkluż lill-Oppożizzjoni għas-sehem li ħadu fid-dibattitu Parlamentari riċenti dwar l-immaniġġar tal-iskart.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo qal li sabiex jiżdied il-livell ta' riċiklaġġ f'pajjiżna l-Kunsilli Lokali għandhom jingħataw rwol ċentrali f'dan il-proċess.

Huwa qal li dan għarfu sa mill-ewwel ġurnata li ġie fdat bir-responsabbiltà tal-Gvern Lokali u b'ħidma pro-attiva mal-Ministru Leo Brincat bdew jfasslu pjan strateġiku li jkompli jżid il-livelli ta' riċiklaġġ f'pajjiżna.

Is-Segretarju Parlamentari Buontempo saħaq li t-triq hija twila, fadlilhom ħafna biex jaslu, però konvint li jekk ikollhom sinerġija fil-ħidma tagħhom jaslu żgur.

Huwa qal li jemmen li l-Kunsilli Lokali għandhom jaħdmu sabiex iżidu l-għarfien dwar l-importanza tar-riċiklaġġ tal-iskart b'kampanji edukattivi aktar b'saħħithom, kif ukoll jingħataw aktar għodda sabiex joffru lir-residenti tagħhom l-aqwa servizz ta' ġbir ta' skart fil-lokalitajiet tagħhom.

Is-Segretarju Parlamentari Buontempo qal li issa li ħolqu l-irwol ta' Ambaxxaturi taż-Żgħażagħ f'kull Kunsill Lokali, dawn għandhom jaħdmu sabiex jinkoraġġixxu aktar żgħażagħ u tfal sabiex jagħrfu aktar l-importanza li nirriċiklaw u li ngħożżu l-ambjent ta' madwarna. L-edukazzjoni minn età bikrija tista’ tibdel il-mentalità ta' ġenerazzjonijiet futuri.

Huwa qal li diġà beda jaħdem sabiex tiżdied aktar il-koperazzjoni bejn il-Kunsilli Lokali u kumpaniji bħal GreenPak sabiex b'ħidma kollettiva jgħinu fit-titjib ambjentali ta' pajjiżna.

Huwa jemmen li rridu ndaħħlu fil-lokalitajiet tagħna sens akbar ta' kburija bil-kisbiet li jkunu għamlu f'dan il-qasam. Huwa qal li xorta waħda però jibqa’ jisħaq li l-prijorità prinċipali ta' kull Kunsill Lokali sabiex verament ikun effettiv f'dan il-qasam tibqa’ dik li jkomplu jkattru bidla fil-mentalità tan-nies.

Is-Segretarju Parlamentari Buontempo temm jgħid li dan kollu ma jirrikjedix sforzi kbar, jirrikjedi biss sforz kollettiv bejn il-partijiet kollha kkonċernati, jirrikjedi aktar sinerġija fl-isforzi tagħna sabiex b'hekk f'dan il-qasam pajjiżna jibda wkoll jilħaq il-livelli ta' riċiklaġġ li ntlaħqu diġà f'ħafna pajjiżi oħra Ewropej.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER   Malta tesplora l-potenzjal tagħha fil-qasam tal-edukazzjoni internazzjonali u l-kooperazzjoni diġitali wara laqgħa fil-Parlament

PR262041

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta tesplora l-potenzjal tagħha fi...

More Press Releases Right arrow