IL-GVERN SE JKUN QED IRESSAQ PROPOSTA BIEX JEMENDA L-LIĠI TAL-VOLONTARJAT BIL-GĦAN LI DAN IS-SETTUR JISSAĦĦAĦ – MINISTRU HELENA DALLI
Il-kunċett ta’ service agreement bejn il-Gvern u l-NGOs joffri bosta vantaġġi għaż-żewġ naħat
Meta l-Ħamis filgħaxija kienet qed tindirizza l-laqgħa ġenerali annwali tal-organizzazzjoni mhux governattiva Dar il-Kaptan, li twettaq ħidma ma’ persuni b’diżabilità, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli qalet li l-Gvern jara li wasal iż-żmien li tkun esplorata l-possibiltà li l-tibda titħaddem sistema ta’ service agreements. Il-Gvern jidħol f’kuntratt ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi fejn jixtri s-servizzi mingħandhom.
Dan joffri diversi vantaġġi, qalet Dr Dalli, mhux biss għall-organizzazzjoni iżda wkoll għall-Gvern innifsu li jkun qed jaddotta sistema ġusta li tagħti valur għall-flus minn fondi pubbliċi li jintefqu.
Il-Ministru Dalli qalet li l-Gvern irid itejjeb u jsaħħaħ is-settur tal-volontarjat u semmiet kif fiż-żmien li ġej se jkunu qegħdin jitħabbru proposti għal tibdil fil-liġi tal-volontarjat biex filwaqt li tiżdied il-kontabilità, l-NGOs ikunu jistgħu jaħdmu f’ambjent aktar ġust.
Hija ħeġġet lill-NGOs biex jikkoperaw aktar flimkien u biex jagħmlu użu mill-għajnuna disposta fosthom minn programmi ta’ taħriġ għall-ħaddiema disponibbli mill-Fond Soċjali Ewropew, kif ukoll mill-fond ta’ ko-finanzjament li minnu jistgħu jiġu ffinanzjati proġetti Ewropej.
Dr Dalli tat ħajr lil dawk preżenti għall-impenn fil-ħidma tagħhom fost dawk li l-aktar għandhom bżonn għajnuna.
Other Press Releases:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041