IL-VITTMI TAD-DROGA JEĦTIEĠU RIABILITAZZJONI U MHUX KASTIGI – IL-MINISTRU MICHAEL FARRUGIA
“L-ebda riabilitazzjoni ma tista’ tirnexxi jekk kemm-il darba l-klijent ma jingħatax l-attenzjoni meħtieġa wara l-kura. Għalhekk, biex ix-xogħol f’dan il-qasam jagħti l-frott huwa siewi li l-vittma qatt ma tmiss mal-qorti biex ma tingħata l-ebda timbru. Wara, irridu naħdmu fuq sistema ta’ out-patient u meta l-klijent jonqos milli jiġi, immorru aħna biex nagħtuh l-għajnuna meħtieġa.”
Dan qalu l-Ministru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia meta dalgħodu indirizza d-diskussjoni nazzjonali bis-suġġett Id-Droga: Realtà Attwali mtella’ mill-Fondazzjoni Oasi fl-Imġarr Għawdex. Għal din il-konferenza attendew bosta esperti fil-qasam tad-droga kif ukoll persuni li jew qed jattendu programm ta’ riabilitazzjoni inkellha ilhom li għamlu l-programm u llum jinsabu jgħixu l-ħajja li dejjem xtaqu fis-soċjetà.
Fil-bidu tad-diskors, il-Ministru Michael Farrugia irringrazzja lil dawk kollha li għamlu l-interventi tagħhom fosthom dawk lil dawk esperti fil-panel, kif ukoll lil dawk preżenti li qasmu l-esperjenzi personali tagħhom meta kienu vittmi tad-droga. Il-Ministru aċċenna li minn dawn l-esperjenzi għandna għalfejn nitgħallmu ħafna għaliex bihom naraw fejn morna ħażin inkella tajjeb ħalli fl-istess waqt intejbu fejn irnexxejna u hekk inkomplu nibnu fuq it-tajjeb li sar s’issa.
Huwa qal ukoll li minn dak li ntqal jitqanqlu mistoqsijiet serji. Fosthom jekk il-vittma li jinqabad għandux imur il-ħabs, jekk għandniex inħallulu theddida fuq rasu, jew inkella noħolqulu l-opportunità biex jimxi ’l quddiem. Il-Ministru Farrugia qal li dawk preżenti jixtiequ wkoll li l-vittmi jingħataw l-opportunità biex jimxu ’l quddiem iżda biex naslu għal dan ma nistgħu qatt inwassluhom biex jirriabilitaw billi nagħtuhom sentenza ta’ ħabs u kastigi. Il-Ministru Farrugia qal li ftit sigħat ilu kien hemm min qal li meta nimxu b’dan il-mod lejn riabilitazzjoni mingħajr kastig nistgħu nkunu qed nixħtu lill-vittma f’idejn it-traffikant. Huwa qal li dan mhux minnu għaliex l-Abbozz tal-white paper ma jgħidx hekk, u din il-white paper dwar il-Liġi tad-Droga għadha trid tiġi ippubblikata fil-ġranet li ġejjin. Huwa sostna li l-iskop tal-liġi se jkun li tingħata direzzjoni u kura lill-vittmi, nistħarrġu l-ħiliet u l-kwalitajiet tajba tagħhom, u fejn dawn huma nieqsa nħeġġuhom jieħdu t-tagħlim u t-taħriġ sabiex ikollhom l-opportunità jintegraw mill-ġdid fis-soċjetà.
Il-Ministru Michael Farrugia qal li dan l-aħħar fehem aktar kemm ċerti liġijiet għandhom jinbidlu għaliex beda jmiss b’idejh il-problemi reali. Huwa semma’ li ltaqa’ ma’ każ ta’ koppja, it-tnejn vittmi tad-droga li ntebħu bl-iżball li kienu fih meta nħarġilhom care order fuq it-tfal u b’hekk għażlu li jidħlu għal riabilitazzjoni. Iżda wara li għamlu l-programm b’suċċess u kien ilhom clean għal numru ta’ snin, baqgħu jbatu bil-care-order li nħarġet fuq uliedhom b’konsegwenza li sa llum għadhom imċaħħda milli jaraw lil uliedhom. B’hekk, dak li ħadmu għalih biex ħarġu mill-vizzju, baqa’ ma tax il-frott mixtieq. Il-Ministru Farrugia qal li minkejja l-isforz tal-vittmi, aħna għadna m’aħniex qed inħarsu kif xieraq lejn id-drittijiet tat-tfal, jiġifieri dak li jirritornaw għand il-ġenituri bioloġiċi tagħhom.
Il-Ministru Farrugia qal li llum jitqanqlu mistoqsijiet oħrajn fosthom jekk aħniex qed nagħmlu biżżejjed biex il-messaġġ għall-prevenzjoni mill-abbuż jasal b’mod ċar u konkret. Huwa sostna li hemm mezzi oħrajn kif b’edukazzjoni maħsuba u effettiva, il-ġenerazzjoni ta’ tfal u żgħażagħ tista’ tifhem aħjar il-konsegwenzi tal-użu jew abbuż tad-droga. Fost dawn għandna nikkunsidraw bis-serjetà li nieħdu lil dawn it-tfal u ż-żgħażagħ biex iżuru u jaraw iċ-ċentri ta’ riabilitazzjoni u hemm jisimgħu minn fomm il-vittmi stess l-esperjenzi li jkunu għaddew minnhom. Esperjenzi li jkunu kissru lilhom u lill-familji tagħhom.
Huwa qal li għalli ġej hemm il-ħtieġa li mmorru għall-bidla meħtieġa, iżda qabel ma nagħmlu dan irridu nifhmu sew jekk il-prevenzjoni hix tirnexxi u t-tieni, li ssir ri-evalwazzjoni tas-servizzi ta’ riabilitazzjoni li qed noffru. Il-Ministru Michael Farrugia sostna li huwa jemmen li m’għandux għalfejn ikun hemm kompetizzjoni bejn it-tliet ċentri li qed jagħtu d-diversi servizzi. It-triq ’il quddiem qal il-Ministru għandha tkun dik li kull entità tistudja u tara l-oqsma li l-aktar għandha l-kapaċitajiet u l-ħila biex tispeċjalizza fihom.
Il-Ministru Michael Farrugia qal li waqt ir-riabilitazzjoni għandha ssir ħidma oħra fejn nifhmu lill-vittma u ngħinuha tifhem il-marda, naraw ukoll il-ħiliet li għandha u, ladarba tispiċċa b’suċċess il-programm hux se jkollha xogħol u saqaf fuq rasha. Huwa għalhekk, sostna l-Ministru Farrugia li jeħtieġ nagħtu attenzjoni speċjali sabiex il-vittma tagħraf lilha innifisha u tifhem bil-ħtieġa li wara li titlaq mil-lok ta’ riabilitazzjoni tad-droga, tħoss li għandha tibqa’ ssib il-kenn u l-faraġ fil-kura individwali li jeħtieġ li nibqgħu nagħtu lil dawn il-persuni.
Other Press Releases:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041