Left arrow Go Back

SEJĦA INTERNAZZJONALI BIEX IKUN IMMASSIMIZZAT IL-POTENZJAL EKONOMIKU U AMBJENTALI TAL-‘WHITE ROCKS MALTA’ – IL-MINISTRU CARDONA

pr141416
Date Icon 23/06/2014

Il-Gvern ippubblika sejħa internazzjonali għal konċessjoni għad-disinn, bini u operat tal-White Rocks Malta.  F’Konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Dr Chris Cardona qal li l-Gvern jixtieq jara dan is-sit f’żona mill-isbaħ mal-kosta Maltija jiġi trasformat fi proġett turistiku ta’ livell għoli.

“Dan is-sit f’żona daqstant strateġika ma jistax jibqa’ dilapitat. Inħossuna fid-dover li, wara tant snin ta’ wegħdi fuq dan il-proġett, nieħdu azzjoni u rrid nassigura lill-pubbliku li ninsabu impenjati li nwasslu dan il-proġett sal-aħħar” sostna l-Ministru Cardona.

Dr Chris Cardona assigura lill-pubbliku li meta se tittieħed deċizjoni dwar liema proposta hija l-aktar vantaġġuza, se tingħata importanza partikolari lejn dawk il-proġetti li jimmassimizzaw bl-aħjar mod possibli l-valur ekonomiku u ambjentali tas-sit. Dan għaliex dawn iż-żewġ aspetti ma jeskludux lil xulxin, anzi l-valur ambjentali tas-sit għandu jkun ta’ benefiċċju għall-aspett ekonomiku. Fuq kollox, saħaq il-Ministru Cardona, se jkun assigurat li l-proġett joħloq aktar impjiegi ta’ kwalità.

“Il-Proġett tal-White Rocks Malta huwa parti minn pjan aktar ħolistiku li beda jaħdem fuqu l-Gvern. Dan il-proġett huwa intiż li jtejjeb sostanzjalment il-kwalità tas-servizz turistiku li joffri pajjiżna” qal il-Ministru Cardona.

Saħaq li mir-riċerka li għamlet il-Privatisation Unit irriżulta wkoll li dan it-tip ta’ żvilupp (upmarket) huwa l-iktar wieħed li hemm domanda sostanzjali għalih u li jkollu l-ikbar impatt pożittiv fuq l-iżvilupp tal-ekonomija Maltija. 

Il-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar qal li “Kif ħafna qed japprezzaw, inkluż l-aġenziji internazzjonali ta’ kreditu, il-Kummissjoni Ewropea u anke l-poplu, pajjiżna qabad momentu b’saħħtu. Irreġistrajna tkabbir ekonomiku sinjifikanti, qed noħolqu l-impjiegi, qed nattiraw rekord ta’ investiment, qed nattiraw rekord ta’ turisti u f’diversi oqsma qed jirnexxilna nkunu fost l-aqwa fl-Ewropa. Jeħtieġ li nsostu dan il-momentu”.

Chris Cardona qali li jeħtieġ li l-pajjiż ma jitlifx dan l-entużjażmu u jkomlpi jaħdem bil-għaqal u l-għaqal jiddetta li l-assi tal-pajjiż ikunu utiliżżati bl-aħjar mod u s-sit tal-White Rocks huwa wieħed minn dawn l-assi ta’ pajjiżna.

INFORMAZZJONI

Sfond Storiku tal-White Rocks

Ix-xogħol fuq il-bini tal-White Rocks Complex kien beda fl-1960 u maż-żmien saru diversi estensjonijiet.

Oriġinarjament kien proġett intiż għal ħaddiema tas-servizz Ingliz fl-armata imma wara l-għeluq tal-bazi militari, l-użu tiegħu inbidel għal wieħed turistiku.

Lejn l-aħħar tal-operat tiegħu, dan il-kumpless kien amministrat mis-Segretarjat għat-Turizmu u kien jintuża għall-akkomodazzjoni tat-turisti, partikolarment studenti tal-Ingliz.

Sfortunatament dan is-sit fl-aħħar snin kien assoċjat ma’ sensiela ta’ wegħdiet ta’ proġetti li baqghu ma kinux materjalizzati.

Il-benefiċċji li jrid jilħaq il-Gvern

Il-Gvern, permezz ta’ din il-konċessjoni ta’ 65 sena, irid jilħaq dawn l-għanijiet:

• Jipproteġi u jikkonserva r-riżorsi naturali importanti fuq is-sit, inkluż l-art agrikola, ekoloġika, storika u anke dawk iż-żoni mal-kosta li għadhom mhux żviluppati;

• Jagħti s-sapport meħtieġ lis-settur turistiku billi jippromwovi lil Malta bħala destinazzjoni ta’ livell għoli;

• Jimmassimizza l-benefiċċji ekonomiċi fl-ekonomija Maltija b’żieda fl-investiment, fit-turizmu, opportunitajiet tan-negozju, Impjiegi u attivitajiet b’valur miżjud.

L-Expression of Interest tinkoraġġixxi lill-proponenti jikkunsidraw il-fatt li l-Gvern Malti, permezz ta’ din il-konċessjoni, irid jilħaq ċertu għanijiet strateġiċi, fosthom:

• Id-disinn, il-bini u l-operat irid isir mingħajr telf ta’ ħin u l-faċilitajiet li jagħmlu parti mill-proġett iridu jkunu amministrati bi profitt u b’mod sostenibbli.

• Li s-servizzi u l-faċiltajiet fil-proġett iridu jagħtu valur miżjud lill-ekonomija ta’ Malta u, fuq kollox, joħolqu opportunitajiet ta’ impjiegi ta’ kwalità.

• Li ma jkunx hemm talbiet għal finanzjament mill-Gvern jew finanzjament minn fondi tal-Unjoni Ewropea biex jitwettaq il-proġett. Dan irid ikun proġett finanzjat mill-privat.

• Li jkun, fuq kollox, proġett li b’livell internazzjonali għoli u konformi mal-Prinċipji tan-Natura 2000 matul il-perjodu tal-konċessjoni kollha.

Fejn jidħol żvilupp, hemm numru ta’ faċilitajiet li l-Gvern jixtiequ li jkunu inklużi fil-proposti.

Dawn jinkludu:

Lukandi lussużi ta’ mhux anqas minn 5 stilel

Irridu li dawn il-lukandi jkollhom ċertu karatteristiċi distinti, bħal per eżempju suites u mhux kmamar, ġonna vasta b’funtani, veduti u atmosfera ta’ trankwillità. Dawn huma elementi li jfittxu t-turisti li nixtiequ nibdew nattiraw lejn pajjiżna.

Units lussużi bbażati fuq żvilupp sostenibbli

Din hija possibilità oħra fejn jidħol il-parti tal-iżvilupp fil-White Rocks Malta. Dawn għandhom ikunu residenzi li joffru lil min jokkupahom ċertu elementi li ma jinstabux f’lukandi. Madanakollu, din il-possibilitàa’ ma teskludix l-ewwel waħda.

Lifestyle Community Village

Il-possibilità li jkollok lukanda u anke units ta’ dan it-tip joħolqu l-opportunità li jkun hemm kunċett ta’ Lifestyle Community Village. Din hija tema li tista’ tiżviluppa b’mod interessanti għal White Rocks Malta fejn dawn il-faċilitajiet lussużi jkunu kkumplimentati minn servizzi u programmi ta’ rikreazzjoni għal persuni ta’ kull eta’ bil-għan li jkun hemm titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-individwi.

Sit ta’ madwar 400 tomna ta’ art

Il-kumpless turistiku tal-ex White Rocks Holiday Complex jirrapprezenta madwar 38% tas-sit li qed nipproponu għal dan il-progett, jigifieri l-White Rocks Malta se jkollha madwar 400 tomna ta’ art. 

Dan ma jfissirx li din l-art ser tiġi mibnija kollha, imma l-bini se jiġi mdawwar bil-ġonna fejn kull żvilupp se jirrispetta l-kunċetti ta’ żvilupp sostenibbli (sustainable development). B’hekk, l-ambjent ta’ spazju miftuħ ikun wieħed mill-karatteristiċi tal-proġett li se jsir.

Il-Proċess

Mit-23 ta’Ġunju dawk interessati li jidħlu għal dan il-proġett, Investituri Maltin kif ukoll barranin, għandhom jagħmlu kuntatt mal-Privitisation Unit biex jiġbru kopja tad-dokument.

Huwa speċifikat li dawk li jipparteċipaw fis-sejħa, ikunu eleġibbli li jieħdu sehem fl-istadju tar-‘Request for Proposals’.

Id-dokument tal-Espressjoni ta’ Interess se jkun jista’ jinġabar sal-20 ta’ Settembru; wara, ikun hemm 10 ijiem fejn ikunu jistgħu jintalbu xi kjarifiki li mbagħad jigu mwieġba mill-Privitisation Unit sal-15 ta’ Ottubru.

L-24 ta’ Ottubru huwa l-aħħar jum li fih jintlaqgħu s-sottomissjonijiet.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER   Malta tesplora l-potenzjal tagħha fil-qasam tal-edukazzjoni internazzjonali u l-kooperazzjoni diġitali wara laqgħa fil-Parlament

PR262041

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta tesplora l-potenzjal tagħha fi...

More Press Releases Right arrow