IL-PRIM MINISTRU JOSEPH MUSCAT JILTAQA’ MAL-CORE GROUP TAL-MEUSAC QABEL IL-LAQGĦA TAL-KUNSILL EWROPEW
Il-Prim Ministru Dott. Joseph Muscat elenka n-nomina tal-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea, il-ħolqien tax-xogħol, l-enerġija u l-immigrazzjoni bħala t-temi ewlenin tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li se jattendi l-ġimgħa d-dieħla. Dan hekk kif dalgħodu l-Prim Ministru indirizza laqgħa tal-Core Group tal-MEUSAC fil-preżenza ta’ rappreżentanti tal-Gvern, tal-imsieħba soċjali, tas-soċjetà ċivili u tal-partiti politiċi.
Fl-introduzzjoni tagħha, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli, li tippresiedi l-Core Group, semmiet kif din hija t-tielet laqgħa ta’ din it-tip mal-Prim Ministru, bil-għan li l-Gvern jisma’ l-veduti tal-membri fuq it-temi ewlenin li ser jiġu diskussi fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tas-26 u 27 ta’ Ġunju.
Fl-intervent tiegħu, il-Prim Ministru Muscat tkellem dwar il-prijoritajiet kurrenti tal-Gvern u kif dawn qegħdin jiġu indirizzati mal-mexxejja l-oħra tal-UE. Il-Prim Ministru enfasizza l-ħtieġa li l-UE tindirizza iktar fil-prattika l-politiki li jgħinu l-ħolqien tax-xogħol u li jkabbru l-ekonomija.
Huwa semma wkoll l-isfidi marbuta mal-qasam tal-enerġija sabiex bħala pajjiż nagħrfu kif u minn fejn nistgħu niddiversifikaw is-sorsi tal-enerġija. Huwa semma l-laqgħa li ser issir Malta fil-11 u t-12 ta’ Lulju fejn il-Ministri tal-Enerġija tal-UE u dawk tal-pajjiżi tal-Mediterran ser ikunu qed jiddiskutu, fost affarijiet oħra, dwar kif l-UE tista’ tisfrutta sorsi ta’ enerġija mill-Afrika ta’ Fuq u l-bżonn ta’ investimenti infrastrutturali fil-konnessjonijiet fl-enerġija bejn Malta u pajjiżi oħra Ewropej.
Il-Prim Ministru tkellem fit-tul dwar il-problema tal-immigrazzjoni illegali. Huwa qal li għalkemm in-numru ta’ immigranti illegali li waslu Malta naqsu f’dawn l-aħħar xhur, ma jfissirx li l-problema naqset jew ġiet solvuta. Hu semma kif fl-UE hemm żewġ blokki ta’ pajjiżi li jaħsbuha b’mod dijametrikament opposti dwar kif din il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata.
Il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-appoġġ ta’ Malta għan-nomina ta’ Jean-Claude Juncker bħala l-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea peress li l-grupp politiku ta’ Juncker ġab l-akbar numru ta’ voti fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tax-xahar li għadda.
Huwa qal li għal Malta, il-prijorità għandha tingħata lill-programm tal-Kummissjoni Ewropea għall-ħames snin li ġejjin. Tkellem ukoll dwar il-bżonn li jkun hemm bilanċ istituzzjonali fil-ħatriet li ser isiru fl-ogħla livelli tal-istituzzjonijiet tal-UE fil-ġimgħat u xhur li ġejjin. Dott. Muscat ħabbar li għada s-Sibt se jieħu sehem f’summit informali fi Franza fejn se tiġi diskussa n-nomina ta’ Juncker u d-direzzjoni li għandha tieħu l-Kummissjoni Ewropea l-ġdida.
Il-Prim Ministru temm l-intervent tiegħu billi rrefera għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tal-pajjiżi li ser jiġu approvati mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tal-ġimgħa d-dieħla. F’dan il-kuntest, hu tenna l-pożizzjoni tal-Gvern Malti li ma togħliex l-età tal-irtirar f’pajjiżna.
Fid-diskussjoni, issemmiet l-importanza ta’ laqgħat bħal dawn fejn il-Gvern ikollu ċ-ċans li jiddiskuti mal-imsieħba soċjali u mas-soċjetà ċivili dwar suġġetti attwali fl-Unjoni Ewropea.
Diversi membri qablu mal-pożizzjoni tal-Gvern dwar l-importanza tal-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol ta’ kwalità sabiex ikunu jistgħu jinħolqu impjiegi ġodda, inkluż dawk relatati mal-enerġija (green jobs).
Punti oħra li tqajmu kienu jikkonċernaw l-importanza tal-kompetittività permezz ta’ mezzi innovattivi u ta’ kwalità; il-bżonn li nżommu mal-miri tal-Istrateġija ‘Ewropa 2020’ speċjalment fejn jidħlu l-impjiegi, is-servizzi finanzjarji u s-settur bankarju, l-enerġija rinnovabbli u t-tariffi tal-enerġija għall-industrija u enfasi ikbar fuq is-settur tat-turiżmu mill-UE.
Other Press Releases:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041