TNEDIJA TAL-ISTRATEĠIJA TAL-LITTERIŻMU NAZZJONALI
Numru ta' inizjattivi favur il-qari u l-litteriżmu tnedew dalgħodu matul konferenza stampa ġewwa tas-Sliema fejn ġiet varata l-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżu għal Kulħadd mill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo.
Matul il-konferenza stampa il-Ministru Evarist Bartolo, saħaq fuq l-importanza li wieħed ikollu l-kompetenzi u l-ħiliet biex jgħix ħajja mimlija. Hu qal li l-istrateġija tippromwovi l-kunċett tal-bilingwiżmu u tisħaq fuq iżjed ħin għal qari fil-klassijiet.
Fit-tnedija ħadu sehem l-għalliema tad-drama tad-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu, u l-karattri tal-Kampanja Nazzjonali favur il-Litteriżmu, fi kliem ieħor, in-nannu Ġużi, in-nanna Anna, Roberta u Kevin, Luke, Jan, Alexia u l-kelb Ċiko. L-Ambaxxaturi tal-Qari, personalitajiet lokali li ġew appuntati biex jippromwovu l-qari fost it-tfal, ħadu sehem f'numru ta' sessjonijiet tal-qari fejn tqassmu wkoll numru ta' kotba.
L-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu għal Kulħadd f’Malta u Għawdex (2014-2019)
Il-Ministeru qiegħed jagħmel ħiltu kollha biex jiżgura li kull individwu f’Malta u Għawdex jingħatawlu l-aqwa opportunitajiet ta’ tagħlim u b’hekk jikseb il-ħiliet meħtieġa tal-litteriżmu. Din il-mira se tintlaħaq permezz tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu għal Kulħadd u Kampanja Nazzjonali favur il-Litteriżmu fost is-setturi kollha tas-soċjetà. L-Istrateġija se titwettaq fid-dawl tar-riżultati reċenti miksuba minn Malta fil-Progress in International Reading Literacy Study (PIRLS) u fil-Programme for International Student Assessment (PISA) fejn 36% tal-istudenti Maltin ta’ 15‑il sena ġabu riżultat ħżiena fil-qari. Dan il-persentaġġ hu ferm ogħla mill-medja tal-istudenti kollha tal-Unjoni Ewropea, li kienet 19%. Il-proċess ta’ konsultazzjoni li wassal għat-tfassil ta’ din l-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu ħa sena sħiħa u taw sehemhom fih għadd kbir ta’ edukaturi, tmien gruppi ta’ ħidma konsultattivi u l-pubbliku ġenerali.
L-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu għal Kulħadd titkellem kemm fuq l-edukazzjoni tul il-ħajja kif ukoll fuq l-edukazzjoni fil-firxa wiesgħa tagħha. Fiha hemm miżuri għall-Ewwel Snin, is-Snin Bikrin, il-Primarja, is-Sekondarja, iż-Żgħażagħ, l-Adulti, il-persuni li jkollhom Diżabiltajiet u Diffikultajiet biex jitgħallmu, l-individwi minn Pajjiżi Terzi u l-Litteriżmu Diġitali. B’mod partikolari l-Istrateġija tiffoka fuq l-Ewwel Snin u s-Snin Bikrin, u s-sehem kbir li għandhom il-ġenituri u dawk li jieħdu ħsieb it-tfal fl-iżvilupp tal-litteriżmu.
Il-punti ewlenin tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu għal Kulħadd f’Malta u Għawdex huma li:
· Il-Litteriżmu huwa element importanti għall-kisba tal-inklużjoni soċjali u għaldaqstant jekk il-komunità tkun litterata tissaħħaħ id-demokrazija parteċipattiva.
· Jkollna politika bilingwi u bilitteriżmu fil-Malti u l-Ingliż u li jkunu kkonsolidati u integrati l-inizjattivi u l-programmi eżistenti fil-qasam tal-litteriżmu biex ikunu aktar effettivi u jagħtu aktar frott.
· Jixtered il-metodu ta’ tagħlim magħruf bħala l-Litteriżmu Bilanċjat fejn l-aspetti tekniċi tal-qari u l-kitba jiġu mgħallma f’kuntest li l-istudenti jagħmlu sens mit-testi li jkunu qegħdin jaqraw u/jew jiktbu, u titħeġġeġ l-integrazzjoni tal-ħiliet tat-taħdit, il-fehim, il-qari u l-kitba.
· Fost il-metodi ta’ tagħlim ta’ lingwa jitħaddmu l-Immersjoni fil-Lingwa, it-Tagħlim Integrat tal-Kontenut u l-Lingwa (CLIL) u s-sistema Tandem.
· Jiżdied kull xorta ta’ qari, ngħidu aħna, b’inizjattivi bħall-programmi Aqra Miegħi/Read with Me maħsub għat-tfal minn 0 sa 3 snin u l-ġenituri tagħhom, l-Ambaxxaturi tal-Qari, personaġġi popolari li qegħdin irawmu kultura ta’ qari fost it-tfal u l-istudenti u l-Promoturi tal-Qari u s-Sħab fil-Qari li jħeġġu lil tfal u żgħażagħ bħalhom jaqraw.
· Tisħaq li għandu jkun hemm opportunitajiet għall-iżvilupp professjonali tal-edukaturi kollha huma f’liema livell huma fit-tagħlim tal-litteriżmu.
· Tħeġġeġ l-użu ta’ teknoloġiji ġodda fit-tagħlim tal-litteriżmu.
· Tippromwovi aktar studji ta’ riċerka biex ikollna stampa ċara tal-prattiki tal-litteriżmu f’pajjiżna.
· Xxerred kuxjenza favur il-litteriżmu permezz ta’ inizjattivi nazzjonali, il-midja u miżuri li jaffavorixxu l-familja.
Kopja tad-dokument jista' jitniżżel mill-website www.education.gov.mt/literacy
Other Press Releases:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041