IL-MINISTRU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI DR OWEN BONNICI JIFTAĦ L-EWWEL EDIZZJONI TA’ “QATT MA NINSA”
“Qatt Ma Ninsa” hija inizjattiva ġdida u innovattiva għaliex tinvolvi fiha ġabra ta’ rakkonti b’tema komuni bejniethom, ir-rabta mal-baħar, fosthom tal-baħħara u s-sajjieda fil-gżejjer Maltin, u b’mod speċjali fl-akwati tal-Port il-Kbir.
“Qatt Ma Ninsa” għamlet stedina lill-pubbliku sabiex iġibu oġġetti jew ritratti relatati mal-baħar u li minnhom joħorġu memorji u stejjer partikolari. Tinkludi wkoll wirja kkaratterizzata minn 10 oġġetti mill-kollezzjoni nazzjonali. Dawn l-oġġetti jvarjaw fil-valur, id-daqs u l-era, iżda lkoll għandhom storja sinifikanti x’jirrakontaw.
Grupp ta’ esperti minn oqsma differenti ser ikun preżenti nhar il-Ħadd 15 ta’ Ġunju sabiex jirreġistra u jiddokumenta l-oġġetti miġjuba mill-pubbliku u l-istejjer relatati magħhom.
Il-ħsieb huwa li eventwalment l-istejjer iservu bħala bażi li fuqha tiġi żviluppata mużika, żfin jew prestazzjonijiet teatrali bħala parti mill-programm Kulturali Valletta 2018.
Fil-ftuħ ta’ dan l-avveniment, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Dr. Owen Bonnici stqarr li l-Gvern jemmen li l-wirt nazzjonali jsaħħaħ l-identità tagħna bħala nazzjon.
Dr Owen Bonnici żied jgħid li oġġetti bħal dawn jagħmlu parti mill-patrimonju li ħallewlna missirijietna, huma mislufa lilna u għandna ngħadduhom lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna
Dr. Bonnici spjega li l-wirt nazzjonali mhux magħmul biss minn oġġetti tanġibbli u prezzjużi, iżda huwa magħmul ukoll mill-istejjer li n-nies jaqsmu u jirrakkontaw ankè minn ġenerazzjoni għall-oħra. Dawn l-istejjer isawru l-identità ta’ poplu u għalhekk huwa importanti li jinġabru u ma jintilfux.
Il-Ministru Owen Bonnici saħaq li inizjattiva bħal din hija parti mill-manifest elettorali.
Il-ħsieb huwa li tibda tiġi dokumentata l-memorja kollettiva li tinsab ukoll fl-istejjer u l-esperjenzi tan-nies Maltin u Għawdxin matul għexieren ta’ snin biex qatt ma ninsew.
Other Press Releases:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041