Left arrow Go Back

GĦAWDEX FL-UNJONI EWROPEA

pr141345
Date Icon 12/06/2014

Djalogu Pubbliku mill-MEUSAC fl-10 Anniversarju tas-Sħubija fl-UE

Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-realtà ekonomika u soċjali ta’ Għawdex kien fiċ-ċentru tal- ewwel minn serje ta’ sitt Djalogi Pubbliċi li l-MEUSAC qed jorganizza biex jitfakkar l-10 anniversarju tad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea (UE) u biex jiġi evalwat il-progress ta’ Malta fil-kuntest tal-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020. F’dan id-Djalogu Pubbliku bit-tema ‘Għawdex fl-Unjoni Ewropea’, il-Ministru għal Għawdex, Anton Refalo, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi tal-UE u l-Presidenza tal-Kunsill tal-UE 2017, Ian Borg, u l-Kap tal-MEUSAC, Vanni Xuereb, itrattaw numru ta’ suġġetti li jolqtu lil Għawdex fl-UE fil-kuntest tal-benefiċċji, l-opportunitajiet, l-isfidi u l-prijoritajiet tal-Gvern għal Għawdex.

Fil-bidu tal-attività, il-Kap tal-MEUSAC, Vanni Xuereb spjega kif il-MEUSAC qed jgħin lis-soċjetà ċivili, lill-kunsilli lokali u lis-settur privat f’Għawdex biex jibbenefikaw mis-sħubija tal-UE b’mod partikolari billi jwassal tagħrif agġornat dwar dak li jkun għaddej fl-UE, iwettaq proċess ta’ konsultazzjoni u  joffri assistenza dwar fondi tal-UE. Huwa ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin se jerġa’ jinfetaħ uffiċċju tal-MEUSAC f’Għawdex biex tissaħħaħ il-preżenza tal-MEUSAC f’din il-gżira.

Il-Ministru għal Għawdex, Anton Refalo, ta’ ħarsa lejn l-impatt ekonomiku, soċjali u politiku fuq Għawdex wara għaxar snin ta’ sħubija fl-UE. Hu tkellem dwar kif l-insularità doppja li Għawdex għandu vis-a-vis Malta, l-istatus ta’ reġjonalità tal-gżira, l-istat ġeografiku u l-aċċessibiltà huma kollha problemi li l-gżira Għawdxija tħabbat wiċċha magħhom. Il-problema tax-xogħol kif ukoll l-investiment barrani dirett f’Għawdex huma punti oħrajn li semma’ l-Ministru. Refalo rrimarka li skont stħarriġ mill-NSO (l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika), ir-rata tat-tkabbir ekonomiku t’Għawdex hija iċken minn dik ta’ Malta u d-differenza bejn iż-żewġ gżejjer saħansitra kibret tul dawn l-aħħar snin.

Fuq nota pożittiva, tenna Anton Refalo, Għawdex ibbenefika bis-sħiħ.  B’ħidma kontinwa tul din l-aħħar sena flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi tal-UE u l-Presidenza tal-Kunsill tal-UE 2017, Ian Borg,  ġiet  imfassla strateġija għaż-żmien li ġej.  Dan sar b’konsultazzjoni ma’ stakeholders varji biex jiġu assigurati li l-perjodu ta’ finanzjament preżenti (2014-2020) jilħaq l-aspirazzjonijiet tan-nies u jsir l-aħjar użu tal-fondi Ewropej. Filwaqt li jgħin fl-iżvilupp soċjo-ekonomiku, kompli tejjeb ukoll il-kompetittività ta’ pajjiżna.

F’dan l-isfond, il-Ministru Refalo rrimarka kif għal li ġej għandna nkomplu ninvestu fil-kapital uman jiġifieri investiment fl-edukazzjoni, fis-saħħa u fl-aspetti kulturali varji. Hu meħtieġ ukoll investiment fl-infrastruttura jiġifieri fis-settur tat-trasport, ċentri tan-negozju, broaband cable ieħor. Irridu nassiguraw ukoll li jkun hawn żvilupp sostenibbli, tenna Anton Refalo.

Il-Ministru għal Għawdex, għalaq l-intervent tiegħu billi qal li rridu inħarsu ’l quddiem biex Għawdex igawdi u jipparteċipa bi sħiħ fil-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE fl-2017 u li nilħqu l-miri stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020.

Is-Segretarju Parlamentari Ian Borġ qal kif għar-rigward tal-programm finanzjarju 2014-2020, din l-amministrazzjoni sejra tassigura li l-10% tal-Fondi Strutturali 2014-2020 għal Għawdex ikunu investiti b’mod orizzontali fuq kull prijorità identifikata għas-seba’ snin li ġejjin. Borġ ħabbar kif wara ħafna negozjati, fl-aħħar xhur il-gvern assigura li l-allokazzjoni  għall-Fond tas-Sajd 2014-2020 sejra tiżdied b’50% meta komparat mal-programm finanzjarju preċedenti – benefiċċju għas-sajjieda Għawdxin ukoll. Fil-fatt f’dawn l-aħħar xhur il-gvern allokka fondi mill-Fond tas-Sajd 2007-2013 biex iġedded l-infrastruttura ġewwa l-port ta’ Marsalforn.

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni Antoine Borg li kien preżenti għal dan id-djalogu tkellem dwar il-benefiċċji tal-ewwel 10 snin tas-sħubija ta’ Malta fl-UE u l-bżonn li l-fondi allokati għal Għawdex ikunu mqassmin f’setturi speċifiċi. Qal ukoll li l-Oppożizzjoni dejjem lesta tikkolabora mal-Gvern għall-aħjar tas-soċjetà.

Ir-rappreżentanti tal-għaqdiet u membri mill-pubbliku li attendew għal din l-attività kellhom l-opportunità li jressqu l-fehmiet tagħhom lill-kelliema fosthom dwar ir-reġjonalità tal-gzira Għawdxija, il-pakkett ta’ fondi tal-UE għal Għawdex għall-perjodu 2014-2020 , l-involviment dirett tal-għaqdiet f’Għawdex fit-teħid tad-deċiżjonijiet, l-importanza li l-istatistika dwar Għawdex tirrefletti r-rejaltà tas-sitwazzjoni f’Għawdex b’mod speċjali fil-qasam turistiku, u l-bżonn ta’ ħolqien ta’ xogħol ta’ kwalità f’Għawdex.

Dawn id-Djalogi Pubbliċi huma finanzjat mill-UE taħt il-Management Partnership bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-MEUSAC.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER   Malta tesplora l-potenzjal tagħha fil-qasam tal-edukazzjoni internazzjonali u l-kooperazzjoni diġitali wara laqgħa fil-Parlament

PR262041

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta tesplora l-potenzjal tagħha fi...

More Press Releases Right arrow