INDIRIZZ MILL-EĊĊELLENZA TAGĦHA MARIE-LOUISE COLEIRO PRECA, PRESIDENT TA’ MALTA FL-OKKAŻJONI TAĊ-ĊERIMONJA TAL-GĦOTI TAL-MIDALJI LI TIKKOMMEMORA L-75 ANNIVERSARJU MIR-RINTRODUZZJONI TA’ GVERN RESPONSABBLI F’MALTA - IL-PALAZZ IL-BELT, VALLETTA. L-ERBGĦA 11
Onorevoli Prim Ministru,
Onorevoli Anġlu Farrugia
Onorevoli Kap tal-Oppożizzjoni,
Eċċellenzi,
Sinjuri,
Inħossni tassew onorata li qed nippresedi din iċ-ċerimonja tant sinifikanti. Ċerimonja li għandha l-għan, li tfakkar il-mixja demokratika ta’ pajjiżna u dawk li ħadmu għaliha.
Illum, qed niftakru, u nfakkru, waħda mill-iżjed ġrajjiet deċisivi fil-mixja Kostituzzjonali ta’ Malta. Ġrajjiet li bdew nhar is-7 ta’ Ġunju 1919, u li għadhom sejrin sal-lum, għaliex l-iżvilupp kostituzzjonali tagħna, huwa proċess ħaj.
F’pajjiż demokratiku, il-proċess kostituzzjonali, jinżamm ħaj mir-rappreżantanti tal-poplu, li jagħrfu s-sinjali taż-żminijiet. Jifhmu l-aspirazzjoni ta’ ġenshom u jaħdmu biex jilħquhom.
Kien fl-1 ta’ Novembru, 1921 li Malta ngħatat is-Self-Government.
Il-Gvern Kolonjali, ippressat mill-avvenimenti tas-Sette Giugnio, introduċa Kostituzzjoni li, għall-ewwel darba, tat lilna l-Maltin, parlament magħmul għal kollox minn rappreżentanti eletti u fejn ir-rappreżentanti tal-poplu, setgħu jagħżlu l-Gvern tagħhom.
Għalhekk fl-1 ta’ Novembru, 1921 ġiet inawgurata l-Assemblea Leġiżlattiva taħt il-Kostituzzjoni ta’ Self-Government, li tat lil Malta forma ta’ Gvern Responsabbli.
Dan kien possibbli biss għax sentejn qabel seħħet il-protesta nazzjonali tas-Sette Giugno fl-1919.
Dak iż-żmien, żgur li ħadd ma kien ibassar li dik li kienet protesta dwar il-prezz għoli tal-ħobż, kienet, fil-fatt, l-ewwel pass lejn sistema ta’ demokrazija parlamentari għall-pajjiżna.
L-ewwel Self-Government ingħatalna għaliex ċarċru demmhom għalih erba’ patrijotti Maltin.
Is-Sette Giugno kien il-Magħmudija tad-Demm ta’ Malta tagħna.
Dakinhar tkebbset xrara li qatt ma ntfiet.
It-triqat tal-Kapitali Maltija, inħaslu bid-demm ta’ ħutna l-Maltin, u minn dakinhar ’il quddiem, kull ġenerazzjoni bdiet toħlom li xi darba, anke Malta tieħu postha fost il-ġnus ħielsa u indipendenti.
Illum, aħna l-Maltin u l-Għawdxin, insellmu lill-martri-patrijotti Manwel Attard, Ġużeppi Bajada, Wenzu Dyer u Karmenu Abela, għax lilhom nafu lil Malta Maltija.
Malta li dwarha ħolmu huma, llum qegħdin ngħixu fiha aħna - Malta Indipendenti, Ħielsa, u Demokratika.
L-avveniment storiku tas-Sette Giugno, wassalna għall-21 ta’ Settembru 1964, meta Malta ħadet l-Indipendenza tagħha, u għall-ġrajjiet storiċi oħrajn li ġew wara, fosthom, għat-twaqqif ta’ Malta Repubblika fl-1974, għal ħelsien sħiħ mill-bażi militari Ingliża fl-1979, u għas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fl-2004.
Għaddew ħamsa u disgħin sena mill-protesti tas-Sette Giugno.
Iżda qatt ma nistgħu ninsew li kien propju fl-irvellijiet ta’ dakinhar, li nibtu movimenti politiċi-soċjali-kulturali li ħallew marka qawwija fl-iżvilupp kostituzzjonali tal-Gżejjer tagħna.
Il-fjamma għaddiet minn ġenerazzjoni għal oħra, sakemm waslet f'idejna u aħna wkoll għandna patt mal-Istorja li nkomplu nsaħħu u niżviluppaw dan il-proċess kostituzzjonali u demokratiku, qabel ngħaddu lil pajjiżna f’idejn ta’ warajna.
Il-mixja kostituzzjonali u demokratika ta’ poplu sovran ma tieqaf qatt. Din il-mixja llum tinsab f’idejna u huwa dmirna li nkomplu nevolvuha skont iż-żminijiet.
Jidher u jinħass li l-mexxejja politiċi ta’ dan il-pajjiż qed jaqraw is-sinjali taż-żminijiet u qed jifhmu li l-għodda kostituzzjonali tagħna, tinħtieġ taġġorna ruħha biex tlaħħaq mal-aspirazzjonijiet demokratiċi tal-poplu tagħna.
Għalhekk fuqna qed tkompli taqa’ r-responsabbilità li ma nħallux l-għodda kostituzzjonali Maltija tiqdiem, iżda huwa dmirna li nassiguraw li l-kostituzzjoni tagħna tkun qed tlaħħaq mal-eżiġenzi tal-poplu tagħna.
Jekk ma nqumux għall-okkażjoni li qed jiddettaw iż-żminijiet inkunu qed nonqsu lill-ġenerazzjoni tagħna bil-kbir. Inkunu qed nagħmlu kif għamlu, għal snin kbar il-ħakkiema kolonjali ta’ pajjiżna. Inkunu qed ninjoraw dak li huwa tal-poplu tagħna bi dritt. Inkunu responsabbli minn ħolqien ta’ tensjonijiet u sitwazzjonijiet li ma jixraqx lid-demokrazija u lill-poplu sovran.
Għalhekk inħoss li huwa dmir tiegħi llum, bħala Kap tal-Istat Malti, li nwasssal dan il-messaġġ u nfakkar fir-responsabbiltà kbira li ħallew ta’ qabilna u li għandna lejn il-poplu tagħna illum, li għalih ilkoll qegħdin hawn.
L-istorja ta’ pajjiżna turina li ta’ qabilna nsew id-differenzi ta’ bejniethom u ngħaqdu f’poplu wieħed, għax ħabbew lil ġensna u riedu jagħmlu minn dan il-pajjiż, pajjiż ħieles u demokratiku. Huwa għalhekk li għandna nħossuna kburin b’dak kollu li għaddejna minnu u dak li aħna llum.
B’hekk biss, ikun jistħoqqilna li nkunu werrieta denji ta’ missirijietna, li bir-rieda u l-kuraġġ kbir tagħhom, ma beżgħux joffru ħajjithom biex in-nazzjon tagħna jgħix u jikber għal dak li hu llum.
Minn dak iż-żmien ’l hawn, kull ġenerazzjoni wieġbet għas-sejħa ta’ pajjiżna, u offriet is-servizz ta’ ċittadini li ntregaw biex jimlew rwol diffiċli fil-ħajja politika ta’ Malta tagħna.
Irridu nirrispettawhom u napprezzaw is-sagrifiċċji li kellhom jagħmlu huma u l-familji tagħhom, biex iservu lil pajjiżna.
Huwa għalhekk xieraq, li propju llum ser nuru l-apprezzament u r-rikonoxximent tagħna lill-persuni li ħadmu bl-almu kollu tagħhom, fl-interess u għall-ġid ta’ Malta u tal-Poplu Malti u Għawdxi kollu.
Intom ilkoll kellkom sehem ewlieni fl-iżvilupp tal-ħajja politika, ekonomika u soċjali ta’ pajjiżna; u għalhekk jixirqilkom dan il-Ġieh li ser tirċievu llum, il-midalja li tfakkar l-Anniversarju mir-Rintroduzzjoni ta’ Gvern Responsabbli f’Malta fl-1921.
Minn qalbi nirringrazzjakom ta’ kull ma għamiltu għall-poplu tagħna u għal pajjiżna, u nawgura li tkomplu bil-ħidma fejjieda tagħkom, b’risq il-Maltin u l-Għawdxin.
Fl-aħħar nett, irrid nawguralkom wkoll, futur mill-isbaħ, għalikom u għall-familji tagħkom.
F’isem il-Maltin u l-Għawdxin, ngħidilkom grazzi minn qalbi.
Other Press Releases:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041