IL-MINISTRU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN DR. GEORGE W. VELLA JILTAQA’ MAS-SEGRETARJU ĠENERALI TAL-LEGA GĦARBIJA
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Dr.George Vella dalgħodu kellu laqgħa kordjali ħafna mas-Segretarju Ġenerali tal-Lega Għarbija Nabil El Arabi f'Ateni, fejn bħalissa qed issir laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-pajjiżi tal- Unjoni Ewropea u dawk tal-pajjiżi tal-Lega Għarbija.
Matul il-laqgħa il-Ministru Vella u El Arabi ddiskutew is-sitwazzjoni fil-pajjiżi ta' l-Afrika ta' Fuq b'mod partikolari dik fil-Libja, u x-xenarji differenti li jistgħu jiżviluppaw fid-dawl ta' dak li qiegħed jiġri bħalissa f'dan il-pajjiż, u l-effetti li dawn jistgħu jkollhom kemm fuq il-pajjiżi ġirien, kif ukoll fuq l-istabbilità u s-sigurtà fil-Mediterran.
Waqt il-laqgħa ġiet diskussa l-problema tal-immigrazjoni rregolari, u x-xewqa li tiġi stabilizzata t-tmexxija politika f'dan il-pajjiż.
Il-Ministru Vella u El Arabi ddiskutew il-problemi li jeżistu f'pajjiżi bħas-Somalia, l-Etjopja u l-Eritrea, kif ukoll l-aħħar żviluppi fl-Eġittu.
Is-Segretarju Ġenerali tenna l-impenn tal-Lega Għarbija li tkompli ssaħħaħ l-uffiċċju li għandhom ġewwa Malta li jaħdem flimkien mal-Unjoni Ewropea, u stqarr li jixtieq jarah aktar attiv u jieħu inizjattivi ġodda.
Il-Ministru Vella informa lil El Arabi, bil-laqgħat li kellu riċentement fil-pajjiżi tal-Golf Għarbi, u stiednu biex iżur pajjiżna ħalli jitkompla d-djalogu bejn Malta u l-Lega Għarbija.
Is-Segretarju Ġenerali El Arabi, tenna li jixtieq jara r-relazzjonijiet bejnietna jitjiebu għaliex fi kliemu Malta hija wieħed mill-ftit postijiet fil-Mediterran, li minkejja ċ-ċirkostanzi madwaru xejn pożittivi, joffri stabilita’ politika u ekonomika. Huwa wiegħed li se jżur pajjiżna fil-futur qrib.
Other Press Releases:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041