IGAMING SUMMIT F’MALTA DALWAQT - IL-GVERN MALTI JIBQA IMPENJAT LI JSAĦĦAĦ DIN L-INDUSTRIJA
F’konferenza tal-aħbarijiet is-Segretarju Parlamentari José Herrera ħabbar id-dettalji ta’ iGaming Summit li ser isir f’Malta bejn 31 t’Ottubru u l-1 ta’ Novembru 2014. Dan is-Summit mistenni jlaqqa’ flimkien dawk kollha li b’xi mod jew ieħor għandhom x’jaqsmu mas-settur tal-iGaming li jinkludu fornituri ta’ tagħmir relatat ma’ din l-industrija, Operaturi tar-Remote Gaming, speċjalisti u rappreżentanti li joffru lotteriji u logħob ta’ ħila bħal sports betting. Għal din il-konferenza mistennija l-parteċipazzjoni t’aktar minn 2,500 delegat, 60 kelliem u esebizzjoni ta’ 70 stand biex inkomplu nippromovu lil pajjiżna f’dan il-qasam.
Is-Segretarju Parlamentari José Herrera, fil-preżenza t’uħud mill-operaturi, qal li dan is-Summit, li qed isir bil-kollabarozzjoni tal-LGA, huwa turija ta’ ‘l fejn irid imur pajjiżna f’dan is-settur.
“Illum pajjiżna għandu reputazzjoni f’dan is-settur grazzi għal interventi leġiżlattivi li għamilna u incentive fiskali li bis-saħħa tagħhom irnexxielna nattiraw mal-250 kumpanija tal-iGaming biex bejniethom illum iħaddmu 8,000 ħaddiem. Is-Summit tal-iGaming li ser isir bejn Ottubru u Novembru huwa opportunità f’waqtha biex niċċelebraw dan is-suċċess u nħarsu ‘l quddiem b’vizjoni,” tenna s-Segretarju Parlamentari.
Il-fatt li Malta toffri regolamenti u sistema ta’ taxxa favorevoli li huma approvati mill-Unjoni Ewropea, ikompli jattira iktar kumpaniji tal-iGaming biex imexxu l-operat tagħhom lejn xtutna.
Dan is-settur ifisser tkabbir ekonomiku li finalment ifisser aktar opportunitajiet ta’ xogħol. Din hija d-direzzjoni li qed jieħu pajjiżna għaliex dan huwa l-futur tagħna”, tenna s-Segretarju Parlamentari.
Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata ukoll mic-chairman eżekuttiv tal-LGA s-Sur Joseph Cuschieri li min-naħa tiegħu faħħar din l-inizjattiva li ddeskriva bħala vetrina ta’ pajjiżna għal bqija tad-dinja fejn jidhol l-iGaming. Huwa qal li pajjiżna jista’ jservi ta’ pjattaforma ewlenija biex nippromovu lil din l-industrija, kif ser tkun qed tagħmel SiGMA f’Ottubru li ġej.
Sadanittant is-Segretarju Parlamentari José Herrera nnota b’sodisfazzjoni l-appoġġ li l-Gvern Malti qed jirċievi mill-Oppożizzjoni dwar il-proposta li qed jipproponi għal definizzjoni tal-imħatri llegali fl-abbozz ta’ Konvenzjoni dwar manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi. Is-Segretarju Parlamentari tenna l-impenn tiegħu li jkompli jsaħħaħ lil dan is-settur li huwa wieħed importanti għall-ekonomija Maltija.
Other Press Releases:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041